Skont il-KESE, is-sistema Ewropea tal-manifattura tista’ biss tagħmel tranżizzjoni effettiva u kompetittiva għal ekonomija diġitali mill-aktar avvanzata u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, meta tkun lesta għal investiment sinifikanti fl-innovazzjoni. Il-passi ppjanati mill-Kummissjoni Ewropea biex tiffaċilita l-iżvilupp aħjar tas-sistema tal-manifattura għandhom għalhekk ikunu bbażati fuq għarfien reali tal-ħtiġijiet tal-kumpaniji – speċjalment l-SMEs. 

Il-manifattura tammonta għal 17,3 % tal-PDG tal-Ewropa u tirrappreżenta 80 % tal-esportazzjonijiet. “Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċifri impressjonanti, huwa essenzjali li l-Ewropa tgħaqqad il-forzi tagħha biex iżżomm u saħansitra ssaħħaħ dan is-settur”, qal Antonello Pezzini, relatur għar-rapport ta’ informazzjoni tal-KESE dwar aktar innovazzjoni f’żoni fejn hemm rata għolja ta’ manifattura.

Il-KESE jistieden lill-Ewropa u lill-Istati Membri tagħha jistabbilixxu strateġiji edukattivi xierqa, li huma kruċjali għall-kisba ta’ ħiliet ġodda u għall-iżvilupp ta’ perkorsi ġodda ta’ karriera. 

Ir-rivoluzzjoni industrijali attwali tuża mudelli diġitali bħall-cloud computing u l-big data, u qiegħda timxi lejn il-prospettiva ta’ internet tal-oġġetti u oġġetti “intelliġenti”. L-intelliġenza artifiċjali hija ta’ importanza partikolari f’dan il-proċess, peress li għandha l-potenzjal li tirdoppja r-rati ta’ tkabbir annwali fi żmien 20 sena.

“L-Ewropa jeħtiġilha tieħu passi deċiżivi fir-rigward tat-teknoloġija diġitali u tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għal teknoloġija avvanzata. Il-KESE għalhekk jappella għal miżuri u politiki speċjali li jippermettu lill-SMEs iżidu n-netwerking ma’ kumpaniji akbar u jintroduċu wkoll inċentivi li jwasslu għal kooperazzjoni fl-innovazzjoni bejn kumpaniji żgħar u kbar”, temm jgħid is-Sur Pezzini. (sma)