Il-midja Ewropea, li sikwit tpinġi stampa b’dimensjoni waħda jew patetika tal-persuni b’diżabbiltà, mifnija bi stejjer mingħajr bażi u ideat żbaljati, u b’offerta ta’ programmi ta’ informazzjoni u ta’ divertiment li b’mod konsistenti ma tissodisfax biżżejjed il-kriterju ta’ aċċessibbiltà sħiħa, għad għandha ħafna x’taqdef biex tkun f’pożizzjoni li tikkomunika dwar id-diżabbiltà b’mod preċiż u inklużiv.

Ir-rwol ċentrali li għandha l-midja fis-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u fil-ġlieda kontra l-istigma u l-preġudizzju lejn dawn il-persuni, li għadhom jeżistu fin-nisġa kollha tas-soċjetà Ewropea, kien is-suġġett ewlieni fuq l-aġenda fis-seduta ta’ smigħ dwar Nikkomunikaw id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, organizzata mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) fit-28 ta’ Ġunju fi Brussell.

"Il-komunikazzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà għandha tkun ikkunsidrata bħala parti importanti minn kwistjoni usa’ ta’ kif nuru d-diversità tas-soċjetà tagħna fl-intier tagħha. Din hija l-epiċentru tal-valuri demokratiċi tagħna. Din se tkun waħda mill-aktar-kwistjonijiet importanti fis-snin li ġejjin,” qal il-membru tal-KESE Ioannis Vardakastanis, huwa u jiftaħ l-avveniment.

Is-seduta ta’ smigħ laqqgħet lil membri tal-KESE u rappreżentanti minn organizzazzjonijiet mhux governattivi differenti li jappoġġjaw lill-persuni b’diżabbiltà. L-Unjoni Ewropea tax-Xandir (EBU) u l-Media Diversity Institute (l-Istitut tad-Diversità tal-Midja) (MDI), għassies tal-midja li jinkoraġġixxi l-kopertura responsabbli tad-diversità fil-midja, kienu rappreżentati wkoll. (ll)