Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jpoġġu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq nett tal-aġenda politika tagħhom fost tħassib li l-attakki reċenti fuq id-drittijiet tan-nisa fl-Ewropa jistgħu jikkompromettu l-progress lejn l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

"Matul dawn l-aħħar għaxar snin qed naraw rigress evidenti u orkestrat fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tal-bniedem. F’bosta oqsma, fosthom il-pagi, il-pensjonijiet u l-opportunitajiet ta’ impjieg, il-progress lejn l-ugwaljanza jew twaqqaf jew treġġa’ lura”, qaletIndrė Vareikytė, ir-relaturgħall-Opinjoni tal-KESE dwar kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

"Bir-rata attwali, neħtieġu aktar minn mitt sena biex in-nisa jkunu ugwali għall-irġiel fl-Ewropa, u l-bniet tal-ġenerazzjonijiet futuri se jkollhom inqas drittijiet min-nisa tal-lum,” hija żiedet tgħid.

Il-KESE stieden lill-UE tintensifika l-isforzi tagħha u tagħmel l-ugwaljanza għan awtonomu fl-oqsma finanzjarji futuri, flimkien ma’ strateġija ta’ ħames snin ambizzjuża u vinkolanti biex jiġu indirizzati b’suċċess l-aspetti kollha tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Il-KESE stieden lill-Istati Membri kollha li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta’ Istanbul biex jerġgħu jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom u appella lill-Kummissjoni biex tinkludi l-fastidju onlajn u l-mobbing fil-konfront tan-nisa fid-definizzjoni ta’ diskors ta’ mibegħda illegali.

Sabiex tiġi żgurata rappreżentanza ugwali fi ħdan il-gradi tiegħu, il-KESE stieden lill-Kunsill jirrieżamina l-linji gwida għall-ħatra tal-membri tal-KESE u rrakkomanda li l-Istati Membri jagħżluhom fuq bażi ta’ parità bejn is-sessi. Bħalissa, il-perċentwal ta' nisa fost il-membri tal-KESE huwa ta' 30 %. (ll)