Mill-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE

L-elementi ewlenin tas-sommarju eżekuttiv tal-istudju dwar ‘Iż-żgħażagħ u l-UE – Perċezzjonijiet, Għarfien u Aspettattivi’ ġew ippreżentati fil-kamra tal-istampa tal-bini Charlemagne tal-Kummissjoni Ewropea fil-15 ta’ Mejju.  

Din ir-riċerka għandha l-għan li tagħmel paraguni bejn l-attitudnijiet taż-żgħażagħ li jistudjaw fl-Iskejjel Ewropej ibbażati fi Brussell u fl-iskejjel li jsegwu s-sistemi edukattivi nazzjonali fi Franza, il-Ġermanja, l-Italja, l-Iżvezja u r-Rumanija. Dawn iż-żgħażagħ kemm jafu dwar l-UE u fejn tgħallmu dwar dan? X’jaħsbu dwar l-UE u kif jaħsbu li l-UE tista’ jew se taffettwa l-ħajja tagħhom? Hemm differenzi evidenti bejn l-Istati Membri, u l-istudenti fl-iskejjel Ewropej għandhom attitudnijiet li jidhru biċ-ċar li huma differenti?

Fil-kummenti tiegħu dwar ir-riċerka, Arno Metzler, president tal-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE, qal li: ‘Huwa essenzjali li nibnuċittadinanza Ewropea ġdida sabiex nidħlu fi djalogu man-nies u jissaħħaħ l-għarfien tagħhom. Għandna niżviluppaw għodod edukattivi ġodda fir-rigward tal-UE, pereżempju billi niżviluppaw pjattaforma Ewropea tat-tagħlim jew billi nintroduċu suġġett speċifiku fl-iskejjel li jispjega x’jagħmlu l-istituzzjonijiet tal-UE fuq bażi ta’ kuljum. Irridu nagħmlu l-komunità Ewropea aktar attiva. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini għandhom jikkomunikaw l-idea u l-għanijiet tal-Ewropa. Irridu nikkapitalizzaw mill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ tagħna u nisimgħuhom, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew.’ (ih)