L-UE teħtieġ b’mod urġenti strateġija ġdida, ambizzjuża u ċara għall-futur tagħha f’konformità mal-Aġenda 2030 tan-NU, l-SDGs u impenji internazzjonali oħra. Il-politika ta’ koeżjoni trid tkun parti integrali minnha. Din l-istrateġija l-ġdida għandha tipprovdi wkoll viżjoni għall-politika ta’ koeżjoni futura nnifisha. Id-dispożizzjonijiet ġodda għall-politika ta’ koeżjoni wara l-2020 għandhom jipprovdu biżżejjed riżorsi u jiggarantixxu titjib fl-effiċjenza u l-viżibbiltà tal-politika, iħeġġeġ il-KESE f’opinjoni esploratorja dwar il-futur tal-politika ta’ koeżjoni. .

Filwaqt li l-opinjoni tal-KESE tħeġġeġ li l-isfidi speċifiċi attwali ma jitħallewx li jintnesew, tenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2021-2027. Politika li tibqa’ valida fil-futur għandha tkun miftuħa għar-reġjuni kollha u tipprovdi l-għodod meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi futuri bħat-tħaddin ta’ teknoloġiji ġodda, il-kisba ta’ livell għoli ta’ kompetittività u l-ġestjoni tat-tranżizzjoni lejn żvilupp sostenibbli filwaqt li jinħolqu impjiegi ta’ kwalità.

Il-tnaqqis baġitarju kif propost mill-Kummissjoni mhuwiex aċċettabbli għall-KESE, peress li l-politika ta’ koeżjoni hija waħda mill-pilastri fundamentali biex l-UE titqarreb lejn iċ-ċittadini tagħha u jitnaqqsu d-disparitajiet bejn ir-reġjuni tal-UE u l-inugwaljanzi fis-soċjetà. Fid-dawl ta’ dan u bi sfidi emerġenti ġodda, il-baġit għandu jibqa’ mill-inqas fil-livell tal-perjodu preċedenti.   

L-opinjoni tenfasizza wkoll li l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni jrid jiġi kkomunikat b’mod aktar effettiv. L-obbligi attwali ta’ pubbliċità għal proġetti ffinanzjati għandhom għalhekk jiġu aġġornati b’mod sinifikanti sabiex il-valur miżjud tal-integrazzjoni tal-UE b’mod ġenerali u l-politika ta’ koeżjoni b’mod partikolari jsir aktar viżibbli għall-pubbliku.

Approċċ territorjali qawwi, aktar koerenza u kontinwità bejn l-istrateġiji tal-UE u dawk nazzjonali, aktar simplifikazzjoni u involviment tas-soċjetà ċivili lkoll jistgħu, fil-fehma tal-KESE, jikkontribwixxu għal titjib fl-effiċjenza tal-politika. (jk)

 Fir-ritratt: veduta ġenerali tal-pjazza f’Lubaczow (il-Polonja) bil-bini tas-sala muniċipali li ġie rinnovat reċentement bis-saħħa tal-fondi tal-UE.