L-interferenti endokrinali huma sustanzi partikolarment ta’ tħassib, u għalhekk jeħtieġ li leġislazzjoni tal-UE tkun koerenti u armonizzata sabiex tindirizza l-modi li bihom dawn jintużaw. Il-KESE jappella għal strateġija konsistenti u olistika li tkun ibbażata fuq l-għarfien xjentifiku u li tinkludi pjan ta’ azzjoni b’miri u skadenzi ċari.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jitwettaq kontroll tal-idoneità sħiħ fuq il-leġislazzjoni attwali, inkluż l-impatt soċjali u ekonomiku tagħha, sabiex tiġi stabbilita s-sitwazzjoni attwali reali.

"Il-leġiżlazzjoni attwali hija frammentata u xi kultant inkoerenti minħabba nuqqas ta’ koordinazzjoni. Jeħtieġ li noħolqu qafas leġislattiv li jippermettilna nittrattaw l-użu tal-interferent endokrinali b’mod koerenti, konsistenti u xjentifiku. L-użu tal-interferent endokrinali jrid ikun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u b’hekk ikun konformi mad-dispożizzjonijiet li diġà ġew adottati dwar il-bijoċidi u l-pestiċidi,” qal Brian Curtis, ir-relatur tal-Opinjoni tal-KESE Lejn qafas tal-Unjoni Ewropea dwar l-interferenti endokrinali adottata f’Marzu. Barra minn hekk, strateġija fit-tul għandha tissaħħaħ bi pjan ta’ azzjoni realistiku sabiex jiġu stabbiliti l-miri u l-iskadenzi.

Il-Kumitat jipproponi l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu finanzjarju li jappoġġja kemm l-intrapriżi kif ukoll il-ħaddiema matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Is-soċjetà ċivili tista’ taqdi rwol kruċjali fl-iżvilupp jew l-appoġġ tal-kampanji nazzjonali ta’ sensibilizzazzjoni, billi tgħaddi l-informazzjoni dwar il-miżuri tal-UE li jħarsu s-saħħa tal-Ewropej flimkien mal-inċentivi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. (sma)