Il-President Jahier se jippreżentah f’Sibiu fid-9 ta’ Mejju

L-UE jeħtiġilha tkun eqreb taċ-ċittadini tagħha u ssir il-mexxej globali fl-iżvilupp sostenibbli, isosnti l-KESE f’opinjoni b’saħħitha dwar il-futur tal-UE. Il-Kumitat jappella għal strateġija ġdida tal-UE li tkun ibbażata fuq approċċ olistiku u transettorjali li jiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-Ewropej u s-sostenibbiltà, u jippreżenta rakkomandazzjonijiet ta’ politika li jkopru ħdax-il prijorità. Strateġija globali ġdida li timplimenta l-Aġenda 2030 trid tkun appoġġjata minn baġit ambizzjuż tal-UE.

Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tal-KESE huma marbuta ma’ ħdax-il prijorità, inkluż il-prijorità dwar il-governanza. Taħt din il-prijorità, il-KESE jirrakkomanda li l-politiki interni u esterni kollha tal-UE għandhom ikunu koerenti u konformi mal-SDGs, li jagħtu lok għall-prinċipji ta’ effiċjenza u proporzjonalità.

Taħt il-prijorità "Ewropa tal-poplu", il-KESE jipproponi li jiġu adottati miżuri li jsaħħu aktar il-parteċipazzjoni ċivika fit-tfassil tal-politika tal-UE sabiex jerġgħu jinkisbu l-appoġġ u l-fiduċja tal-poplu għall-proċess tal-integrazzjoni tal-UE.

Komunikazzjoni mtejba dwar il-politiki tal-UE għandha tkun prijorità oħra għall-istrateġija l-ġdida. Informazzjoni sostanzjali, kredibbli u vivaċi tista’ tgħin, fost oħrajn, biex jiżdied l-għarfien taċ-ċittadini dwar il-kisbiet tal-UE u l-valur tal-azzjoni komuni.

Skont ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika taħt il-prijorità dwar l-iżvilupp sostenibbli, l-istrateġija futura tal-UE għandha twettaq l-impenji internazzjonali tal-UE dwar il-klima, il-bijodiversità u l-ilma. Dan ifisser li hija trid tal-inqas tiżgura implimentazzjoni sħiħa u immedjata tal-Ftehim ta’ Pariġi u tħaffef it-tranżizzjoni ġusta u sostenibbli lejn livell għoli ta’ provvista ta’ enerġija rinnovabbli.

Il-ħdax-il prijorità jinkludu wkoll dimensjoni soċjali b’saħħitha, li għandha ssaħħaħ il-konverġenza fi ħdan l-UE, pereżempju billi jitjieb u jiżdied l-investiment fis-sistemi edukattivi b’mod ġenerali. Objettiv ieħor għandu jkun l-iżvilupp ta’ approċċ komuni, komprensiv u bilanċjat dwar il-politika tal-migrazzjoni.

Fl-aħħar nett, in-negozji Ewropej iridu jsiru atturi sostenibbli globali aktar b’saħħithom. In-negozji sostenibbli għandhom ilaħħqu b’suċċess mat-trasformazzjoni diġitali u jibqgħu jixprunaw l-innovazzjoni u l-kreattività. Ekonomija sostenibbli tinvolvi kummerċ ħieles u ġust, regoli speċifiċi għall-beni u s-servizzi pubbliċi u tassazzjoni ġusta.

Il-President tal-KESE Luca Jahier se jippreżenta l-pjan ta’ azzjoni tal-KESE għall-Futur tal-Ewropa fil-konferenza Il-Futur tal-Ewropa. Perspettivi tal-Iżviluppi Kontemporanji li se ssir f’Sibiu flimkien mas-summit tad-9 ta’ Mejju dwar il-Futur tal-Ewropa.

Sommarju fil-qosor tal-pjan ta’ azzjoni tal-KESE għall-futur tal-Ewropa huwa disponsibbli fuq: https://www.eesc.europa.eu/mt/node/69817. (jk)