Wasal ammont rekord ta’ 1,039 applikazzjoni għall-10 edizzjoni ta’ L-Ewropa Tiegħek, Leħnek! – 972 minn pajjiżi tal-UE u 67 mill-ħames pajjiżi kandidati – bl-ogħla numru ġejjin mir-Rumanija (221) u l-inqas minn Malta u l-Montenegro (4 kull wieħed).

33 skola sekondarja kienu magħżula biex jipparteċipaw – waħda minn kull wieħed mit-28 Stat Membru tal-UE u mill-ħames pajjiżi kandidati (l-Albanija, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro, Serbja u t-Turkija) – permezz tal-użu ta’ apparat elettroniku li jagħżel l-ismijiet. Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ L-Ewropa Tiegħek, Leħnek!, ħadet sehem fid-dibattitu waħda mill-iskejjel Ewropej fi Brussell, li jedukaw it-tfal tal-uffiċjali tal-UE prinċipalment bil-lingwa tal-pajjiżi tal-oriġini tal-ġenituri u b’hekk għandhom popolazzjoni tant multilingwistika u multikulturali li tistudja flimkien u taqsam xi klassijiet komuni.

Fl-20 u l-21 ta’ Marzu 2019, 102 student – tlieta minn kull skola parteċipanti – żaru Brussell biex jieħdu sehem fid-dibattitu l-kbir.  L-iżgħar fosthom kellhom 15-il sena u l-ikbar 20, bil-maġġoranza tagħhom bejn 16 u 18. B’differenza minn assemblej li ilhom iżjed żmien attivi, in-nisa huma fil-maġġoranza (60 mara u 42 raġel).

Qabel l-avvenimenti, il-parteċipanti ppreparaw għad-dibattitu taħt il-gwida ta’ għalliem li akkumpanjahom. Attenda wkoll membru tal-KESE li għen biex jitqanqal id-dibattitu b’enfasi fuq sett ta’ mistoqsijiet ewlenin:

  • Kif nistgħu nsaħħu d-demokrazija rappreżentattiva fil-futur?
  • X’tip ta’ impenn politiku jeżisti lil hinn mill-elezzjonijiet Ewropej, u b'liema mod tieħu sehem fih?
  • X’inhi l-fehma tiegħek dwar x’għandu jsir biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-votanti fl-elezzjonijiet tal-PE?

Matul l-avveniment l-istudenti ħadmu taħt il-gwida ta’ moderaturi esperti sabiex iħejju 10 rakkomandazzjonijiet biex jippreżentawhom lil dawk li jfasslu l-politika fl-UE. Wara, jiġu magħżula t-tliet proposti l-iżjed attraenti permezz ta’ votazzjoni.

L-Ewropa Tiegħek, Leħnek! hija organizzata mill-KESE, il-leħen tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew, u hija l-avveniment ewlieni għaż-żgħażagħ tal-KtR. Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-KESE għandu l-għan li jiżgura li l-fehmiet, l-esperjenzi u l-ideat tal-ġenerazzjoni żagħżugħa jiġu kkunsidrati fit-tfassil tal-politika tal-UE.

Aktar dettalji dwar L-Ewropa Tiegħek, Leħnek! 2019 huma disponibbli fuq il-paġna uffiċjali tal-avveniment. (dm & ks)