Il-KESE jappoġġja l-proposti tal-UE biex jiġi żgurat it-trasport tal-merkanzija bl-ajru u bit-triq f’każ li ma jsirx ftehim dwar il-Brexit

Fi tliet opinjonijiet adottati fi Frar, il-KESE japprova l-proposta tal-Kummissjoni li testendi temporanjament l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE biex tindirizza problemi speċifiċi li jistgħu jaffettwaw it-trasport tal-merkanzija bl-ajru u bit-triq f’każ li ma jsirx ftehim dwar il-Brexit. 

  • Sikurezza tal-avjazzjoni

Il-KESE jappoġġja l-pjan ta’ azzjoni mfassal mill-Kummissjoni biex ikopri xenarju ta’ l-ebda ftehim milqugħ dwar il-Brexit, b’miżuri speċifiċi biex tiġi żgurata l-validità kontinwa taċ-ċertifikati għall-prodotti, il-partijiet, it-tagħmir u l-kumpaniji ajrunawtiċi. "Ir-regolament tal-UE għandu jidħol fis-seħħ biss biex isolvi l-kwistjonijiet ta’ sikurezza tal-avjazzjoni li altrimenti ma jkunux jistgħu jiġu solvuti. L-għan mhuwiex li jiġi estiż l-istatus quo, iżda li tiġi offruta soluzzjoni temporanja sabiex is-settur ikun jista’ jkompli jaderixxi mal-ogħla standards ta’ sikurezza sakemm ir-Renju Unit ikun stabbilixxa aġenziji nazzjonali u leġislazzjoni nazzjonali biex jassumi r-rwol ta’ aġenzija tas-sikurezza," qal ir-relatur Thomas McDonogh.

  • Servizzi tal-ajru

Il-Kumitat jappoġġja wkoll l-enfasi tal-proposta tal-Kummissjoni fuq regolament ta’ kontinġenza li jiżgura servizzi tal-ajru bażiċi u jirrimarka li dan ma jistax jitqies bħala estensjoni tar-regoli attwali, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1008/2008, u lanqas bħala ftehim ta’ ħruġ unilaterali, għaliex id-drittijiet huma limitati fiż-żmien u fil-finijiet tagħhom. L-awtur tal-opinjoni, Jacek Krawczyk, qal: "Ir-Regolament propost huwa soluzzjoni temporanja u jirrappreżenta pjan ta’ kontinġenza biex jitnaqqas l-impatt ta’ Brexit li jseħħ f’daqqa waħda. Huwa l-uniku mod realistiku biex jittaffew il-konsegwenzi negattivi serji mistennija għas-settur tal-avjazzjoni jekk il-ftehim dwar il-ħruġ ma jiġix ratifikat qabel id-29 ta’ Marzu 2019."

  • Trasport tal-merkanzija bit-triq

Barra minn hekk, il-KESE jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni li jagħtu lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit id-dritt li jiċċaqilqu b’mod liberu fl-UE sal-31 ta’ Diċembru 2019, sakemm it-trasportaturi tal-UE jingħataw ukoll kundizzjonijiet ġusti, ugwali u mhux diskriminatorji tal-kompetizzjoni fir-Renju Unit. "Nittamaw ħafna li, sad-data tal-ħruġ tar-Renju Unit, l-awtoritajiet Brittaniċi jkunu dddċidew dwar sensiela ta’ miżuri temporanji ekwivalenti, bil-għan li jiġi żgurat li t-trasportaturi tal-merkanzija bit-triq tal-UE li jiċċirkolaw fir-Renju Unit ikollhom l-istess drittijiet bħal dawk offruti mill-Kummissjoni, b’mod tranżizzjonali, lil trasportaturi fir-Renju Unit b’liċenzja li tippermettilhom iġorru merkanzija bejn it-territorju tar-Renju Unit u s-27 Stat Membru li jifdal," qal ir-relatur, Raymond Hencks. (mp)