Oliver Röpke jieħu f’idejh il-Presidenza tal-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Il-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Fl-1 ta’ Marzu, Oliver Röpke ħa f’idejh il-Presidenza tal-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE, u ssostitwixxa lil Gabriele Bischoff, li kienet ilha l-President tal-Grupp sa minn Ottubru 2015.

Matul il-mandat tagħha, Gabriele Bischoff ħadmet bis-sħiħ għall-iżvilupp, id-dikjarazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għal Unjoni Ewropea li tipproteġi u tagħti s-setgħa liċ-ċittadini tagħha, u għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultat għall-ħafna, mhux għall-ftit. Hija kienet u se tibqa’ tappoġġja bil-qawwa l-proġett Ewropew u l-valuri fundamentali tal-Ewropa. Il-proġett li jmiss tagħha: l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019. Gabriele Bischoff hija kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li jmiss.

Fid-dawl tal-isfidi attwali u futuri għall-Unjoni Ewropea, għall-valuri tagħha b’mod ġenerali, u b’mod partikolari, għall-ħaddiema, Oliver Röpke jixtieq jippromovi r-rwol tal-Kumitat, b’mod partikolari dak tal-Grupp tal-Ħaddiema. Huwa se jaħdem għal Ewropa li hija eqreb lejn l-Ewropej – Ewropa li taħdem biex tiddefendihom flimkien mal-interessi tagħhom. Is-Sur Röpke se jiddefendi l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol ġusti u se jiddefendi l-kawża tal-ħaddiema. Huwa se jikkonsolida s-saħħa tal-Grupp tal-Ħaddiema: il-kapaċità tal-membri tiegħu li jilħqu kunsens biex jintlaħaq l-għan komuni, minkejja l-isfondi differenti tat-trade unions.

Is-Sur Röpke ilu jaħdem mal-Konfederazzjoni Awstrijaka tat-Trade Unions (ÖGB) u organizzazzjonijiet membri tagħha għal aktar minn għoxrin sena, f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà, għall-bidu fil-livell nazzjonali u aktar tard fi Brussell. Huwa ilu membru tal-Kumitat Eżekuttiv Federali tal-Awstrija sa mill-2008. Sa mill-2001, huwa rrappreżenta wkoll lill-ÖGB fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions. (mg)