L-Istati Membri tal-UE jeħtieġ isaħħu l-involviment tal-partijiet interessati fl-isforzi tagħhom biex jirriformaw l-ekonomiji nazzjonali. Flimkien ma’ strateġija ġdida fit-tul tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli, dan jista’ jgħin biex jinħoloq semestru Ewropew aktar effiċjenti u inklużiv li jkun lest jindirizza l-isfidi li qed tiffaċċja l-UE.

Dawn huma wħud mis-sejbiet ewlenin ta’ seduta ta’ smigħ pubblika dwar Lejn Semestru Ewropew aktar inklużiv organizzata mill-Grupp tas-Semestru Ewropew tal-KESE fit-28 ta’ Frar.

Huwa u jagħti bidu għall-avveniment, il-president tal-KESE Luca Jahier talab li s-semestru jkun konsolidat u qal li wasal il-ħin għal enfasi fuq l-inklużjoni, biex jinħolqu "ħajjiet deċenti għan-nies u kundizzjonijiet deċenti għan-negozji filwaqt li t-tkabbir jingħata "perspettiva aktar reżiljenti, innovattiva u sostenibbli".

Il-parteċipanti talbu li l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-parlamenti nazzjonali jkunu involuti b’mod sistematiku f’riformi ulterjuri. Huma qalu li l-konsultazzjoni fil-livell lokali hija essenzjali biex jinkiseb l-appoġġ pubbliku u għandha tkun obbligatorja.

Fil-preżent, il-kwalità tal-involviment fir-riformi strutturali u l-iżvilupp tal-programmi nazzjonali ta’ riforma tvarja ħafna madwar l-Ewropa u fost l-oqsma ta’ politika. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi mhijiex sodisfaċenti fl-Istati Membri kollha. Waħda mir-raġunijiet ewlenin għal dan hija n-nuqqas ta’ sjieda tar-riformi.

Il-partijiet interessati kienu tal-fehma li l-adozzjoni tal-prinċipji tas-sħubija u tal-governanza f’diversi livelli jistgħu jgħinu biex itejbu mhux biss is-sjieda, iżda wkoll l-effiċjenza u l-inklużività tal-proċess tas-semestru. Huma talbu wkoll għal mekkaniżmu ta’ feedback għall-proċess ta’ konsultazzjoni u ħeġġew sabiex ir-riformi jiġu mmonitorjati u evalwati b’mod adatt.

Fl-aħħar nett, il-partijiet interessati lmentaw li t-tabella ta’ valutazzjoni tas-semestru ma kkunsidratx fatturi bħat-tibdil fil-klima. Huma talbu li l-proċess ikun marbut ma’ strateġija fit-tul tal-UE bbażata fuq l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU. (jk)