Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019: m’hemmx raġuni għall-kompjaċenza

Minħabba r-riżultati mħallta tal-politiki ta’ riforma tal-passat, huwa essenzjali li l-UE u l-Istati Membri jwettqu evalwazzjoni fil-fond. Minkejja t-titjib li sar s’issa, hemm il-ħtieġa għal aktar riformi u miżuri biex tingħata spinta lit-tkabbir u tissaħħaħ il-koeżjoni u d-dimensjoni soċjali tal-politiki, jgħid il-KESE fl-Opinjoni tiegħu dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2019 (SAT).

Il-KESE jikkritika l-valutazzjoni ġeneralment favorevoli tal-Kummissjoni li hemm fis-SAT fir-rigward tal-progress ekonomiku u soċjali mill-2014 u l-politiki ta’ riforma tal-passat. Ir-ritmu tat-tkabbir ekonomiku fl-UE, b’mod ġenerali, għadu aktar kajman milli kien qabel il-kriżi u jeħtieġ li jitqiesu d-differenzi fi ħdan u bejn ir-reġjuni. Is-SAT bla dubju ma jissuġġerixxix li nistgħu nistrieħu fuq dak li diġà ksibna.

Il-KESE jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni għall-appoġġ tar-riformi. Ir-riformi u l-politiki għandhom jagħmlu l-ekonomija u s-swieq tax-xogħol aktar reżiljenti u b’hekk itejbu t-tkabbir fl-ekonomija u l-produttività. Dawn iridu juru wkoll impenn reali fir-rigward tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-għanijiet internazzjonali dwar il-klima. Sfortunatament, is-SAT jonqos milli jipprovdi proposti adegwati għall-implimentazzjoni u l-finanzjament tagħhom.

Is-SAT jonqsu wkoll il-proposti għall-ġlieda kontra r-riskji esterni għat-tkabbir. Il-politiki ta’ stimolu biex jinżammu l-livelli tat-tkabbir u l-impjiegi għandhom ikunu inkwadrati u bbaġitjati kif xieraq. Investiment ta’ kwalità għolja fl-edukazzjoni u t-taħriġ, kif propost fl-AGS, ikun milqugħ f’dan il-kuntest.

L-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili jistgħu jgħinu biex jitħaffef ix-xogħol fuq proposti ġodda ta’ politika u jiżguraw li r-riformi huma prattiċi, xierqa u speċifiċi għall-pajjiż.

Fl-aħħar nett, il-KESE jinsab sodisfatt li l-Kummissjoni tagħti prijorità lir-riformi biex jiżdied l-investiment tas-settur privat u dak pubbliku. Ir-regoli fiskali tal-UE għandhom jippermettu finanzjament mill-baġits nazzjonali għal investiment soċjalment u ekonomikament produttiv li ma jipperikolax is-sostenibbiltà baġitarja tal-ġejjieni. (jk)