Il-Kummissarju Hogan fil-KESE: id-deċiżjoni dwar il-baġit tal-PAK issa tinsab f’idejn il-koleġislaturi

Fl-20 ta’ Frar, il-KESE ospita lill-Kummissarju Hogan biex jitkellem dwar il-PAK futura.

Phil Hogan saħaq li kien importanti li l-PAK tevolvi; minbarra l-provvista tal-ikel, jeħtieġ li l-PAK tipprovdi wkoll beni pubbliċi oħra, bi skambju għall-pożizzjoni speċjali tagħha fi ħdan il-baġit tal-UE.

Fir-rigward tal-baġit, il-Kummissarju qal li: “L-Istati Membri, li jaħdmu permezz ta’ kodeċiżjoni mal-Parlament Ewropew, huma f’libertà sħiħa li jżidu l-baġit ġenerali tagħhom bil-ħsieb li l-PAK tinżamm fil-livell attwali.” Huwa ttama li jkun hemm ftehim rapidu dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), peress li l-bdiewa kellhom bżonn taċ-ċertezza u l-istabbiltà rigward il-politika u l-baġit.

Il-Kummissarju semma wkoll il-ftehim politiku dwar regola ġdida li tipprojbixxi ċerti prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel, li għaliha l-KESE għamel kontribut sostanzjali permezz tal-opinjoni tiegħu u li dwarha se ssir votazzjoni fil-plenarja tal-Parlament Ewropew f’Marzu.

Matul id-dibattitu mal-Kummissarju, il-membru tal-KESE John Bryan qal li l-KESE jappoġġja PAK b’saħħitha b’baġit b’saħħtu, peress li l-PAK kienet importanti għall-paċi u l-koeżjoni.

Maurizio Reale, President tas-Sezzjoni NAT tal-KESE, osserva li PAK futura għandha tiffoka aktar fuq it-tibdil fil-klima u li l-bdiewa kellhom ikunu protetti iżjed fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles.

Peter Schmidt, President tal-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-KESE, enfasizza li l-prattiki inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel kellhom jiġu indirizzati b’mod aktar effettiv u li l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli għandhom jiġu inklużi fil-politika alimentari tagħna. L-istess standards għoljin mitluba mill-produtturi tagħna jridu jiġu applikati għall-importazzjonijiet tal-ikel. (sma)