L-ebda futur għall-UE mingħajr aktar koeżjoni

Il-Politika ta’ Koeżjoni tista’ tkun mod effettiv biex jiġu indirizzati x-xejriet soċjetali (l-Ewroxettiċiżmu, eċċ.) li l-UE qed tħabbat wiċċha magħhom jekk il-finanzjament tagħha jibqa’ sors importanti ta’ investiment, u b’hekk l-Ewropa ssir aktar rilevanti għaċ-ċittadini tagħha, jiġi promoss involviment aktar b’saħħtu mal-partijiet interessati u jiġi kkomunikat aħjar l-impatt tagħha. Dan kien il-messaġġ tal-partijiet interessati fis-seduta tal-KESE dwar il-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2020. 

Il-fehma ġenerali waqt is-seduta kienet li l-partijiet interesati kellhom jitolbu politika ta’ koeżjoni ambizzjuża u valida għall-futur wara l-2020, immirata lejn tkabbir ekonomiku u soċjali sostenibbli u inklużiv, il-kompetittività u l-impjiegi madwar l-UE. Il-biċċa l-kbira tal-parteċipanti ma setgħux jaċċettaw it-tnaqqis ta’ 10 % fil-baġit tal-politika propost mill-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027.

Il-futur tal-UE huwa inkonċepibbli mingħajr koeżjoni kontinwa. Il-finanzjament tal-koeżjoni għandu jibqa’ tal-anqas fil-livell attwali tiegħu, peress li ż-żieda mistennija fid-disparitajiet reġjonali fil-PDG per capita, ir-riskju li joħolqu ż-żoni depopolati u l-iżvilupp taż-żoni rurali ħarġu fid-dieher il-ħtieġa ta’ politika aktar b’saħħitha.

Politika ta’ koeżjoni li tiżgura l-investiment fit-tul u s-sostenibbiltà, imsejsa fuq approċċ ibbażat fuq il-post u b’aktar flessibbiltà biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-ħtiġijiet irrispettivament mit-tip tagħhom tista’ tgħin ukoll biex tinkiseb aktar effiċjenza.

Il-parteċipanti ġeneralment appoġġjaw rabta aktar b’saħħitha bejn il-politika u s-Semestru Ewropew, iżda talbu għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar is-Sħubijiet bħala kundizzjoni abilitanti. Huma ħeġġew ukoll li jkun hemm rabta bejn il-konformità mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, ir-rapporti tal-pajjiżi u t-tabella ta’ valutazzjoni soċjali, li għandhom jiġu reġjonalizzati.

Il-kelliema ħeġġew ukoll lill-partijiet fin-negozjati biex iżidu l-isforzi tagħhom fin-negozjati li għaddejjin dwar il-proposti leġislattivi għall-ġejjieni tal-QFP u l-politika ta’ koeżjoni.

Is-sejbiet tas-seduta se jikkontribwixxu għal Opinjoni tal-KESE dwar is-suġġett, li se ssir votazzjoni dwarha fil-plenarja ta’ Marzu. (jk)