Organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem fl-elezzjonijiet Ewropej

mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

Il-komunità tan-negozju trid issemma’ leħinha b’mod qawwi u ċar fil-kampanja tal-elezzjoni Ewropea. L-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem mhux biss għandhom jenfasizzaw il-ħtiġijiet u l-istennijiet tagħhom għall-mandat li jmiss tal-Parlament Ewropew, iżda għandhom ukoll jenfasizzaw il-benefiċċji li l-Unjoni Ewropea toffri lill-attivitajiet tagħhom u lill-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini. Dawn huma wħud mill-konklużjonijiet li ħarġu mid-diskussjoni mar-rappreżentanti ta’ BusinessEurope, SMEunited u CEEP (Ċentru Ewropew għal Min Iħaddem u għall-Intrapriżi li jipprovdu Servizzi Pubbliċi) matul il-laqgħa tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE fi Frar.

‘Id-diġitalizzazzjoni, l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija, u l-aċċess għal persunal b’ħiliet u t-teknoloġija affordabbli jitqiesu mill-SMEs bħala l-akbar sfidi fejn jeħtieġu l-appoġġ tal-UE", qalet Veronique Willems , is-Segretarju Ġenerali tal-SMEunited. L-organizzazzjoni tqis li politika orizzontali għall-SMEs hija mezz aħjar biex jinkisbu riżultati tajbin minn approċċ speċifiku għas-settur.

"Għandna ngħinu lin-nies jindunaw li l-istil ta’ ħajja Ewropew huwa l-aħjar mod ta’ ħajja fid-dinja u li dan seħħ permezz tal-UE. Din hija responsabbiltà konġunta għall-komunità tan-negozju kollha”, qal Markus Beyrer, id-Direttur Ġenerali ta’ BusinessEurope. L-organizzazzjoni tiegħu, permezz tal-membri tagħha, hi involuta f’kampanji biex jiżdied in-numru ta’ nies li jivvutaw fl-elezzjoni kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali.

Il-prijoritajiet tas-CEEP jiffokaw fuq it-tliet Ds: id-diġitalizzazzjoni, id-dekarbonizzazzjoni u demografija dejjem aktar anzjana. “Dawn it-tliet tendenzi huma fil-qalba tal-attivitajiet tagħna u dan huwa fejn nistgħu naħdmu flimkien saħansitra aktar”, qalet Valeria Ronzitti , is-Segretarju Ġenerali tas-CEEP. (lj)