Il-KESE jadotta dispożizzjonijiet aktar severi fir-Regoli ta’ Proċedura u fil-Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri

Fis-sessjoni plenarja tiegħu tal-20 ta’ Frar 2019, il-KESE adotta proposta biex jemenda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu biex tiġi inkluża verżjoni ġdida tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri bħala appendiċi. Ir-Regoli ta’ Proċedura u l-Kodiċi ta’ Kondotta l-ġodda, li daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Marzu 2019, iqisu wkoll ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew stess li ġew adottati reċentement, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta’ fastidju.

Il-KESE – fuq l-inizjattiva tal-President tiegħu, Luca Jahier, u bl-appoġġ sħiħ tal-gruppi u tal-amministrazzjoni – ikkonferma l-prinċipju tad-dritt għad-dinjità fuq il-post tax-xogħol u stabblixxa mekkaniżmu ta’ monitoraġġ intern għal kwalunkwe forma ta’ fastidju li tinvolvi lill-membri, li jistabbilixxi wkoll sanzjonijiet.

Il-membri ser jinħtieġu jiffirmaw il-Kodiċi ta’ Kondotta meta jinħatru. Ir-regoli l-ġodda japplikaw għall-interazzjonijiet bejn il-membri u kwalunkwe persuna oħra li taħdem fil-Kumitat kif ukoll bejn il-membri nfushom. Is-sanzjonijiet jinkludu, skont il-gravità tal-imġiba tal-membru, “sospensjoni temporanja mir-rwol ta’ relatur, presidenza u sħubija ta’ gruppi ta’ studju, missjonijiet u laqgħat straordinarji”.

Il-Kumitat jinsisti wkoll dwar “ir-rispett tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni [...]”, u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata “xi ħaġa aħjar minn sistema ta’ rappreżentanza proporzjonali tan-nisa fil-korpi kollha tal-Kumitat” (Artikolu 1.4).

It-test sħiħ tar-Regoli ta’ Proċedura u l-Kodiċi ta’ Kondotta dalwaqt ser ikun disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-KESE. (dgf)