Il-ġlieda kontra l-populiżmu tolqot lil kulħadd

Il-progress ekonomiku u l-istabilità soċjali huma żewġ elementi fil-ġlieda kontra l-Ewroxettiċiżmu, iżda waħedhom mhumiex biżżejjed: is-soċjetà ċivili għandha bżonn tinvolvi ruħha!

Waqt il-preżentazzjoni tal-istudju dwar Societies outside Metropolises: the role of civil society organisations in confronting populism (Soċjetajiet barra l-metropoli: ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-populiżmu), li saret fl-20 ta’ Frar 2019 fi Brussell, il-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE ta ħarsa ġenerali lejn iż-żieda tal-populiżmu fl-UE, u analizza kif u għalfejn din iż-żieda, u enfasizza r-rwol ewlieni li s-soċjetà ċivili jista’ jkollha fil-ġlieda kontra l-populiżmu.

Filwaqt li l-progress ekonomiku u l-istabilità soċjali għandhom rwol essenzjali fl-indirizzar tat-tħassib li jwassal għall-Ewroxettiċiżmu, dawn il-fatturi waħedhom mhumiex biżżejjed. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jridu jieħdu azzjoni biex jikkomunikaw messaġġ pożittiv dwar il-valur u l-importanza tal-Ewropa u biex iqarrbu l-Ewropa maċ-ċittadini tagħha. “Il-preservazzjoni tad-demokrazija liberali timplika lil kulħadd,” qal il-President tal-Grupp Diversità Ewropa, Arno Metzler. "Nemmen li l-uniku mod biex jiġi miġġieled il-populiżmu huwa permezz tas-sistema demokratika tagħna, is-sistema nnifisha li qed tipprova timmina: l-UE mhux biss trid titkellem man-nies, iżda trid tisma’ u tiddjaloga b’mod attiv. Is-soċjetà ċivili Ewropea għandha tgħin lill-Unjoni tilħaq liċ-ċittadini, u b’hekk tipprevjeni u tillimita l-attraenza tal-partiti populisti," huwa żied jgħid.

Ir-riċerka turi li t-tnaqqis ekonomiku, l-instabilità soċjali u l-livelli limitati tal-edukazzjoni huma wħud mill-fatturi l-aktar sinifikanti li wasslu għal aktar appoġġ għall-populisti fl-UE kollha. Madankollu, hemm bżonn li jitqiesu wkoll kwistjonijiet oħra aktar kumplessi u interdipendenti, bħalma huma x-xewqa li jinżamm l-istatus quo u l-ħtieġa li jiġu protetti l-valuri tradizzjonali, il-monokulturi jew identitajiet partikolari. (mp)