It-tranżizzjoni tal-enerġija tista’ tirnexxi biss jekk ikun involut kulħadd

Ir-rwol tal-poplu fit-tranżizzjoni tal-enerġija kien fil-qalba tal-aġenda tal-laqgħa ta’ Frar tas-sezzjoni TEN, fejn l-esperti tal-enerġija wrew l-esperjenza tagħhom ta’ xogħol għaċ-ċittadini.

Kif tista’ t-tranżizzjoni tal-enerġija taħdem għaċ-ċittadini? Kif tista’ l-enerġija tkun aċċessibbli għal kulħadd? It-tranżizzjoni tal-enerġija tfisser trasformazzjoni fundamentali tas-soċjetajiet tagħna u se jkollha impatt fuq il-ħajja ta’ kuljum ta’ kulħadd. Ma tirrigwardax biss it-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda. Din hija opportunità għal bidla strutturali, li fiha ċ-ċittadini jeħtieġ li jkollhom rwol ewlieni. Il-kwistjoni tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini hija ċentrali. “It-tranżizzjoni tal-enerġija ma tistax tkun ta’ suċċess jekk il-partijiet interessati kollha ma jkunux involuti – irridu nqisu l-ħtiġijiet tal-atturi kollha kkonċernati,” qal il-president tas-sezzjoni TEN, Pierre Jean Coulon. “Ir-raġuni li għandna l-enerġija hija li sservi għan aħħari, li nissimplifikaw ħajjet iċ-ċittadini, inklużi l-familji u n-negozji. Mingħajr l-enerġija, il-ħtiġijiet bażiċi tagħna ma jintlaħqux: ma jkunx hemm l-ebda edukazzjoni, sistema tas-saħħa jew trasport."

It-tranżizzjoni tal-enerġija għandha potenzjal ekonomiku u soċjali enormi, speċjalment fil-livell reġjonali. Il-fatt li l-ispiża tat-teknoloġiji rinnovabbli deċentralizzati qed tonqos b’rata mgħaġġla joffri ħafna opportunitajiet lil reġjuni inqas avvanzati biex jagħtu spinta lill-ekonomija lokali tagħhom u biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsiru “prosumaturi” tal-enerġija. Fi kliem ieħor, in-nies mhux biss jixtru (jikkunsmaw) enerġija nadifa iżda għandhom ukoll sehem attiv fil-proċess billi jinvolvu ruħhom fil-produzzjoni tal-enerġija. "Jekk ċittadin jinstalla seba’ pannelli solari fuq is-saqaf, huwa jipproduċi l-elettriku kollu li karozza elettrika normali għandha bżonn għal sena fil-futur," qal il-membru tal-KESE Lutz Ribbe f’messaġġ bil-vidjow.

Fl-istess ħin, huwa importanti li jiġi enfasizzat it-tħassib li xi reġjuni, bliet u gruppi vulnerabbli jistgħu jitħallew lura f’dan il-proċess. Din hija r-raġuni għaliex huwa kruċjali "li nsegwu triq ġdida, billi noħolqu ċikli tal-enerġija rinnovabbli reġjonali u politiki tal-enerġija u reġjonali interkonnessi," żied jgħid is-Sur Ribbe. "Nistgħu ngħinu biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku permezz tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli jekk ikun hemm ir-rieda politika." (mp)