Il-KESE jivvota favur introjtu minimu deċenti appoġġjat mill-UE

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) adotta l-Opinjoni dwar “Lejn Direttiva Qafas Ewropea dwar l-introjtu minimu” li fiha talab lill-Kummissjoni Ewropea tintroduċi qafas vinkolanti tal-UE li jistabbilixxi introjtu minimu adegwat fl-Ewropa, adattat għall-istandard tal-għajxien f’kull Stat Membru. 

Tali qafas, fil-forma ta’ direttiva, jinħtieġ biex tiġi indirizzata b’mod effettiv il-problema serja u persistenti tal-faqar fl-Ewropa u biex tintradd lura l-kredibbiltà tal-UE, peress li fallew l-impenji tal-UE li jfittxu li jnaqqsu n-numru ta’ ċittadini tal-UE li jinsabu f’riskju ta’ faqar b’20 miljun ruħ, qal il-KESE.

“Il-kwistjoni ta’ introjtu minimu hija politika ferm. Din hija deċiżjoni li trid tittieħed fil-livell tal-UE, u l-Kummissjoni ma tistax tinħeba wara l-prinċipju tas-sussidjarjetà – użat ħażin f’dan il-każ – biex tiddeċiedi li ma tista’ tagħmel xejn dwar problema tant importanti li taffettwa d-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem”, qal Georges Dassis, relatur tal-Opinjoni.

“Huwa importanti li l-UE tagħmel xi ħaġa konkreta għan-nies li m’għandhom xejn. Jekk inti indifferenti fil-konfront tal-miżerja tagħhom issa, għada jista’ tkun tard wisq”, is-Sur Dassis qal.

Il-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE, li jopponi l-użu propost ta’ strument vinkolanti, ressaq kontropinjoni li fiha l-membri tiegħu argumentaw li l-introjtu minimu għandu jiġi indirizzat fil-livell nazzjonali.

Il-kontropinjoni nċaħdet u l-opinjoni tas-Sur Dassis ġiet adottata b’158 vot favur, 81 vot kontra u 12-il astensjoni. (ll)