L-inizjattiva ‘L-Ewropa Tiegħek, Leħnek!’ għalqet 10 snin: ivvota għall-ġejjieni!

This page is also available in

Sinjur, Sinjura,

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) qed iniedi l-10 edizzjoni tal-inizjattiva “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek!” fi Brussell mill-21 sat-22 ta’ Marzu 2019.

Fil-qafas tal-inizjattiva “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek!” (YEYS) 33 skola (minn 28 Stat Membru tal-UE u ħames pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE) jiġu mistiedna Brussell għal dibattitu dwar suġġett rilevanti għaż-żgħażagħ.

Din l-edizzjoni l-ġdida għandha l-isem “L-inizjattiva ‘L-Ewropa Tiegħek, Leħnek!’ għalqet 10 snin: ivvota għall-ġejjieni!”, b’referenza għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ser isiru fl-2019. L-istudenti ser jiġu mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar għadd ta’ kwistjonijiet, fosthom:

  • X’għandu jkun ir-rwol taċ-ċittadini żgħażagħ fil-kostruzzjoni tal-Ewropa, u kif jistgħu jipparteċipaw aktar?
  • L-Ewropa kif tista’ tiżgura li aktar żgħażagħ jieħdu sehem fl-elezzjonijiet, u x’jista’ jkun l-impatt tal-vot tagħhom?
  • Kif tista’ tissaħħaħ id-demokrazija fl-Ewropa, u kif tista’ tittejjeb l-informazzjoni dwar il-politiki tal-UE bil-għan li jiġu miġġielda l-aħbarijiet foloz?
  • Kif iż-żgħażagħ Ewropej jistgħu jikkontribwixxu biex l-Ewropa ssir aktar demokratika u aktar parteċipattiva?

Jekk l-iskola tiegħek hija ta’ livell sekondarju, ta’ kull tip, f’wieħed mit-28 Stat Membru jew f’wieħed mill-ħames pajjiżi kandidati għall-adeżjoni, ġentilment nistednuk tibgħat talba ta’ parteċipazzjoni fl-edizzjoni tal-2019 tal-inizjattiva “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek!”.

L-iskejjel parteċipanti jintgħażlu bil-polza u r-rebbieħa jqattgħu tlett ijiem fi Brussell.

Jekk l-iskola tiegħek tintgħażel, int tista’ tibgħat tliet studenti ta’ qabel l-aħħar sena, akkumpanjati minn għalliem wieħed jew għalliema waħda. Il-KESE jġarrab l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-akkomodazzjoni u tal-ikliet servuti matul l-avveniment.

L-istudenti jkunu jistgħu jiltaqgħu ma’ studenti minn pajjiżi oħra, li magħhom ikunu jistgħu jaqsmu l-fehmiet tagħhom u jħejju riżoluzzjonijiet fuq temi relatati mal-Unjoni Ewropea. Din hija opportunità unika biex jifhmu aħjar il-funzjonament tal-Unjoni u jieħdu sehem f’dibattitu simili għal dawk ta’ assemblea, f’ambjent multikulturali.

Ser jiġi pprovdut servizz tal-interpretazzjoni bl-Ingliż u l-Franċiż matul is-sessjonijiet plenarji, filwaqt li l-gruppi ta’ ħidma preparatorja ser jitmexxew bl-Ingliż.

Il-membri tal-KESE ser iżuru l-iskejjel magħżula biex iħejju ż-żgħażagħ għad-dibattiti fi Brussell. Qabel dawn iż-żjarat, l-iskejjel jirċievu dokumentazzjoni u materjal pedagoġiku.

Fis-sit web tagħna, tista’ ssib deskrizzjoni dettaljata tal-avveniment, il-filmat dwar YEYS 2018, il-formola ta’ reġistrazzjoni onlajn, ir-regoli u l-informazzjoni prattika kollha.

Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija t-18 ta’ Novembru 2018.

Nistennew bil-ħerqa li nilqgħukom ilkoll fi Brussell!

Dejjem tiegħek,

Isabel Caño Aguilar
Il-Viċi President tal-KESE responsabbli għall-Komunikazzjoni

Downloads

Presentation of the event by the EESC Vice-President for Communication

See also