Is-servizzi transfruntiera jagħtu spinta lit-tkabbir juri studju tal-KESE

Skont l-istudju l-ġdid ikkummissjonat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, is-servizzi transfruntiera jiġġeneraw impjiegi ġodda u tkabbir ekonomiku. Dawn għandhom effetti pożittivi għall-pajjiżi kollha tal-UE, għal tipi differenti ta’ impjiegi kemm dawk li jirrikjedu ħafna ħaddiema kif ukoll dawk b’intensità għolja ta’ għarfien. Id-dokument juri li l-evitar ta’ regolamentazzjoni stretta fis-suq intern tas-servizzi transfruntiera huwa ta’ benefiċċju għall-ekonomija tal-UE. Tnaqqis tas-sehem ta’ servizzi transfruntiera b’1 % jiswa lill-ekonomija tal-UE madwar EUR 8 biljuni.

Fl-2014, kważi 11-il miljun impjieg fl-UE kienu bbażati fuq l-esportazzjoni ta’ servizzi transfruntiera. Sa mis-sena 2000, kważi rdoppja l-għadd ta’ impjegati dipendenti fuq servizzi transfruntiera. Filwaqt li l-impjiegi totali fl-UE żdiedu b’5,5 %, l-impjiegi dipendenti fuq servizzi transfruntiera żdied b’94 %. Dan juri b’mod ċar impatt pożittiv fuq l-ekonomija tal-UE. Pajjiżi b’sehem ogħla ta’ servizzi transfruntiera rreġistraw tkabbir ferm aktar b’saħħtu fl-impjiegi u l-PDG minn pajjiżi li kienu inqas involuti fis-suq tas-servizzi transfruntiera.

L-istudju juri li s-servizzi transfruntiera la huma dumping soċjali u lanqas periklu għall-ekonomiji tal-Istati Membri. Regolamentazzjoni aktar stretta tas-servizzi transfruntiera jkollha impatt negattiv fuq l-ekonomija u tipperikola l-integrità tas-suq uniku, qal Peter Clever, Viċi President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem.

Skont id-dokument għall-kuntrarju tal-perċezzjoni pubblika 3 impjiegi transfruntiera minn kull 4 jinsabu fil-pajjiżi tal-UE-15. Kważi 40 % tal-istazzjonar tal-ħaddiema seħħew minn pajjiż b’pagi għolja għal pajjiż ieħor. Dan juri biċ-ċar li l-ekonomiji tal-Istati Membri kollha tal-UE jibbenefikaw minn servizzi transfruntiera. Fl-2014, il-valur miżjud totali li jiddependi fuq l-esportazzjonijiet ta’ servizzi transfruntiera kien ta’ EUR 625 biljun fl-Istati Membri kollha.

Barra minn hekk, is-servizzi transfruntiera mhumiex limitati għal impjiegi li jirrikjedu ħafna ħaddiema u b’pagi baxxi. Is-sehem ta’ impjiegi f’setturi b’intensità għolja ta’ għarfien dipendenti fuq servizzi transfruntiera kiber kważi daqs is-sehem ta’ impjiegi li jirrikjedu ħafna ħaddiema.

Ir-riċerka tissuġġerixxi wkoll li pajjiżi b’sehem akbar ta’ servizzi transfruntiera bħala medja għandhom proporzjon aktar baxx ta’ nies fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali u jirreġistraw livelli ogħla ta’ kuntentizza u sodisfazzjon fil-ħajja.

L-istudju tħejja mill-grupp ta’ riflessjoni Ġermaniż IW Consult u ġie kkummissjonat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fuq talba tal-Grupp ta’ Min Iħaddem. Id-dokument jista’ jitniżżel minn hawnhekk: https://europa.eu/!yQ36mKmK

Downloads

PR 29/2019: Cross-border services boost growth – study says
Executive summary