“No Education, No Vote”, sillabu obbligatorju dwar l-affarijiet tal-UE għall-istudenti Ewropej, kienet l-aktar proposta vvutata waqt l-avveniment “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek 2019”

This page is also available in

Participants in YEYS 2019

Sillabu obbligatorju dwar il-politika Ewropea biex jiżdied l-għarfien taċ-ċittadini qabel ma jitfgħu l-vot tagħhom kienet l-aktar proposta vvutata fl-edizzjoni tal-2019 ta’ “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek”, l-avveniment taż-żgħażagħ organizzat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) fil-21-22 ta’ Marzu 2019. Din l-inizjattiva u tliet proposti oħra magħżula, iffukati fuq l-użu ta’ teknoloġiji ġodda u l-midja soċjali biex tiżdied il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet tal-UE, ser jintbagħtu lill-Parlament Ewropew sabiex jiġu kkunsidrati.

Wara jumejn diskussjonijiet u dibattiti vivaċi, id-99 student postsekondarju ta’ bejn is-16 u s-17-il sena magħżula għall-avveniment “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek 2019” ippreżentaw 10 rakkomandazzjonijiet matul sessjoni plenarja finali. L-edukazzjoni u l-midja soċjali kienu fiċ-ċentru tal-attenzjoni, u ħafna proġetti għaqqdu flimkien pjattaformi onlajn u laqgħat fil-ħajja reali, biex jgħaqqdu (mill-ġdid) lis-soċjetà ċivili ma’ dawk li jfasslu l-politika. L-4 proposti l-aktar ivvutati kienu:

1. No Education, No Vote (Mingħajr edukazzjoni ma nivvutawx), proġett ta’ sillabu obbligatorju għall-iskejjel fl-Ewropa kollha bi 3 taqsimiet: prattika, bi żjarat lejn l-istituzzjonijiet tal-UE; teorija, b’testijiet u preżentazzjonijiet; u pjattaforma interattiva bi kwiżżijiet u filmati.

2. EU&U.EU, sit web li jiġbor fil-qosor l-informazzjoni dwar l-UE u l-elezzjonijiet tal-UE sabiex tiżdied it-trasparenza u l-għarfien fost iċ-ċittadini b’użu intensiv tal-midja soċjali u l-kontenut multimedjali.

3. (ex-aequo) Europe E-VOTE (Votazzjoni elettronika għall-Ewropa), proposta biex jum l-elezzjoni jinbidel f’vaganza nazzjonali u biex tiġi promossa l-votazzjoni elettronika u From You to EU (Mingħandek għal għand l-UE), inizjattiva li tikkonnektja l-movimenti soċjali mal-politiċi u li tippermettilhom jaħdmu flimkien biex isibu soluzzjonijiet.

Il-proposti l-oħra ppreżentati mill-istudenti kienu:

#Insta (nt) vote (votazzjoni #Insta (ntanja): proposta biex titjieb il-prestazzjoni tal-kontijiet tal-midja soċjali tal-UE billi jiġi inkluż kontenut ta’ kwalità għolja speċifikament indirizzat liż-żgħażagħ, bħal filmati qosra u kummenti mill-influwenzaturi bħala mod kif tiżdied is-sensibilizzazzjoni u l-parteċipazzjoni.

Network of Young Europeans (Netwerk ta’ Żgħażagħ Ewropej), proġett indirizzat biex jinforma dwar l-azzjoni u l-limiti tal-UE, biex jikkonnektja persuni differenti madwar l-Ewropa kollha u biex jispira d-dibattitu permezz ta’ pjattaforma tal-Internet biex jiġu organizzati proġetti u jiġi ppubblikat ir-riżultat tagħhom.

Find(ing) your voice (Sib leħnek), proġett b’żewġ taqsimiet: summit li jsir tliet darbiet fis-sena bi djalogu wiċċ imb’wiċċ u attivitajiet differenti li fihom jieħdu sehem Ewropej żgħażagħ u politiċi; sit web b’kontenut u informazzjoni interattivi.

Shape your future – express yourself (Sawwar futurek – esprimi ruħek), proġett li jikkonsisti f’sit web li jkun jista’ jagħti opinjonijiet dwar diversi suġġetti li jimmiraw lejn iż-żgħażagħ taħt il-26 sena. L-opinjonijiet ikunu jistgħu jintgħoġbu jew ma jintgħoġbux mill-utenti u dawk l-aktar popolari jiġu ppreżentati fil-Parlament Ewropew.

SharUE, app li tista’ tintuża il-movimenti soċjali jiġu kkonnektjati mal-istituzzjonijiet tal-UE, b’moderaturi speċjalizzati li kull xahar iressqu rapport dwar l-inizjattivi mtellgħin lill-Parlament Ewropew, u b’hekk tinħoloq rabta aktar mill-qrib mal-poplu.

Voices worth being heard (Fehmiet ta’ min jismagħhom), pjattaforma fejn jistgħu jiġu promossi inizjattivi u diskorsi biex il-votanti jitħeġġu jinvolvu ruħhom u jiġġieldu għall-ideat tagħhom stess. L-udjenza tagħżel l-inizjattivi li għandhom jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew.

L-istudenti ntlaqgħu minn Luca Jahier, il-President tal-KESE, li qal: Irridu nsegwu l-eżempju ta’ Greta Thunberg, li kienet kapaċi timmobbilizza numru kbir f’qasir żmien bl-użu ta’ lingwaġġ dirett. Jekk jogħġobkom ingħaqdu f’din il-ġlieda, kunu provokattivi, intom qed tiġġieldu mhux biss għall-futur tagħkom stess, iżda wkoll għall-futur tagħna. Isabel Caño, il-Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni, għalqet l-avveniment b’dan il-kummenti: Kburin naqsmu l-ideat tagħkom, il-ħolm tagħkom, l-entużjażmu tagħkom u s-soluzzjonijiet tagħhom f’istituzzjoni bħall-KESE, fejn ilkoll nitgħallmu ninnegozjaw bħala mod kif nilħqu kunsens. Irini Pari, membru tal-KESE li nediet l-avveniment L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” fl-2010 żiedet tgħid li “Kull sfida hija opportunità, u intom urejtuna dan. Tħallux il-biża’ tieħu l-kontroll, iftħu ġwinħejkom. L-Ewropa hija tagħkom. Id-dinja hija tagħkom.

Sfond:

L-istudenti kienu mistednin jaqsmu ideat dwar l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 u joħorġu bi proposti dwar mistoqsijiet speċifiċi ewlenin:

  • Kif nistgħu nsaħħu d-demokrazija rappreżentattiva fil-futur?
  • X’tip ta’ impenn politiku jeżisti lil hinn mill-elezzjonijiet Ewropej, u b'liema mod tieħu sehem fih?
  • Fl-opinjoni tiegħek, x’jista’ jsir biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-votanti fl-elezzjonijiet tal-PE?

It-33 skola ġew magħżulin biex jipparteċipaw f’din l-inizjattiva permezz ta’ selettur tal-ismijiet elettroniku. Ser ikunu involuti skola waħda minn kull wieħed mit-28 Stat Membru tal-UE u l-ħames pajjiżi kandidati (l-Albanija, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija). Għal dan l-10 anniversarju ntbagħtu rekord ta’ 1038 applikazzjoni.

Imsejjaħ “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek!”, dan l-avveniment huwa organizzat mill-KESE, il-vuċi tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew, u huwa l-avveniment emblematiku tal-KESE għaż-żgħażagħ. Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-KESE għandu l-għan li jiżgura li l-fehmiet, l-esperjenzi u l-ideat tal-ġenerazzjoni żagħżugħa jiġu kkunsidrati fit-tfassil tal-politika tal-UE. Il-KESE jixtieq li jżomm u jiżviluppa r-rabtiet tiegħu mas-soċjetà ċivili Brittanika wara l-Brexit, u għalhekk iddeċieda li jinvolvi liż-żgħażagħ Brittaniċi f’dan id-dibattitu anki jekk x’aktarx mhumiex ser jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-UE tal-2019.

Aktar dettalji dwar YEYS2019 huma disponibbli fuq il-paġna uffiċjali tal-avveniment.

Downloads

PR 15/2019: “No Education, No Vote”, sillabu obbligatorju dwar l-affarijiet tal-UE għall-istudenti Ewropej, kienet l-aktar proposta vvutata waqt l-avveniment “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek 2019”