L-Ewropa Tiegħek, Leħnek: ideat ispiranti sabiex tinstab l-għaqda f’kultura Ewropea diversa

This page is also available in

Iż-żgħażagħ Ewropej jgħidu li opportunitajiet akbar għat-tagħlim tal-lingwi permezz ta’ l-ivvjaġġar, siti kulturali Ewropej iżjed aċċessibbli u l-preservazzjoni tal-kultura tagħna permezz tal-ikel nazzjonali u s-snajja’ jistgħu jispiraw liż-żgħażagħ Ewropej jiskopru kulturi differenti u jiksbu fehim aħjar tal-wirt kulturali komuni tagħna. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet lil dawk li jfasslu l-politika fl-UE kienu ssuġġeriti minn 99 student mill-Ewropa kollha, li ħadu sehem fl-avveniment annwali taż-żgħażagħ L-Ewropa Tiegħek, Leħnek 2018. L-avveniment, li kien organizzat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), sar fi Brussel għad-disa’ sena konsekuttiva.

Ideat rebbieħa għall-kultura Ewropea

Fil-15 u s-16 ta’ Marzu, il-KESE laqa’ studenti minn 33 skola sekondarja fi 28 Stat Membru tal-UE u 5 pajjiżi kandidati. Peress li l-2018 hija s-Sena Ewropea għall-Wirt Kulturali, l-avveniment “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” iffoka wkoll fuq il-kultura u għażel it-tema Maqgħudin fid-diveristà: futur iktar żagħżugħ għall-kultura Ewropea.

Il-Viċi President tal-KESE, Gonçalo Lobo Xavier, enfasizza l-importanza li wieħed jisma’ liż-żgħażagħ u li jitqiesu l-ideat tagħhom. “Dan il-proġett inkredibbli li jissejjaħ Ewropa huwa ta’ kulħadd, huwa mibni minn kulħadd u kulħadd għandu vuċi. Dan huwa preċiżament għaliex tinsabu hawn”, qal is-Sur Lobo Xavier hekk kif laqa’ lill-istudenti għall-avveniment “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek”.

Matul dibattiti u workshops intensivi, l-istudenti ddiskutew kif għandna nippreservaw il-wirt kulturali Ewropew u nagħmluh aktar attraenti għaż-żgħażagħ Ewropej. L-ideat inkludew suġġetti importanti u diskussi ferm fl-Ewropa bħalma huma l-ugwaljanza, is-sigurtà u l-integrazzjoni, li jistgħu jiġu mtejba permezz ta’ attivitajiet kulturali. Minn 10 rakkomandazzjonijiet tanġibbli lil dawk li jfasslu l-politika fl-UE ntgħażlu l-aktar tliet proposti attraenti permezz ta’ votazzjoni:

  1. L-opportunità li jiġu skoperti kulturi oħrajn permezz tal-ivvjaġġar. Dan il-proġett jissuġġerixxi li jinħoloq programm speċjali ta’ skambju ta’ studju b’lezzjonijiet tal-lingwa, fejn l-istudenti jgħixu f’familji ospitanti u jitgħallmu dwar kulturi ġodda. “Jekk tmur u tara kulturi differenti, ikollok l-opportunità tapprezzahom ħafna aktar, u ssir kburi li Ewropew,” spjega student minn Ċipru, li ppreżenta din ir-rakkomandazzjoni;
  2. Nippreservaw il-kultura, nitgħallmu mill-passat u nużawh biex nibnu l-futur. Din ir-rakkomandazzjoni għandha l-għan li toħloq Dar l-Unjoni Ewropea tal-Ikel f’kull Stat Membru. “Meta tordna platt nazzjonali speċifiku, is-servizz ikun jinkludi nota żgħira li tispjega ċ-ċirkostanzi storiċi li fihom inħoloq oriġinarjament il-platt u tibni tolleranza akbar bejn in-nazzjonijiet,” qal delegat mis-Slovenja. Barra minn dan, il-grupp ta’ studenti pproponew li jinħoloq programm ta’ appoġġ għal ħwienet żgħar tal-artiġjanat tradizzjonali magħmul bl-idejn sabiex tiġi preservata l-kultura folkloristika tradizzjonali;
  3. Nesperimentaw bil-kultura. Dan il-proġett għandu l-għan li jqarreb il-kultura u l-wirt kulturali lejn in-nies kollha billi jinħolqu festivals tal-ivvjaġġar b’tema u billi jiġu evitati konċentrazzjonijiet ta’ mużewijiet fi bliet kbar. “Huwa ideal li għandna nippruvaw niksbu peress li huw mod kif nistgħu nsiru aktar sinjuri. Huwa ferm aktar interessanti meta tiftaħ qalbek għal kulturi oħra. M’iniex ċert, madankollu, li l-kultura Ewropea hija tanġibbli u aċċessibbli f’dan il-mument,” qal delegat minn Franza.

Il-kultura – il-qalba tal-Ewropa

L-adoloxxenti Ewropej kellhom iċ-ċans jiddiskutu l-importanza li jiġi preservat u promoss il-wirt kulturali tagħna mal-membri tal-KESE, esperti u artisti.

“Ma nistgħux nibnu Ewropa jekk ma npoġġux il-kultura u l-wirt kulturali tagħna f’post aktar ċentrali. Għal wisq żmien l-Ewropa nbniet l-aktar permezz tal-ekonomija, il-finanzi u s-suq,” qalet Sneška Sneška Quaedvlieg-Mihailović, Segretarju Ġenerali ta’ Europa Nostra, organizzazzjoni li tissalvagwardja l-wirt kulturali u naturali fl-Ewropa. “Dawn huma għodod importanti ħafna sabiex l-ekonomiji u s-soċjetajiet jinġiebu flimkien. Iżda x’inhuwa l-qofol tal-Ewropa? Huwa l-kultura u l-wirt kulturali,” żiedet tgħid.

Is-Sinjura Sneška Quaedvlieg-Mihailović saħqet ukoll li jekk l-Ewropa għandha wirt kulturali komuni, iċ-ċittadini tagħha għandhom responsabbiltà kondiviża biex jippreservawh.

Sadanittant, il-President tal-KESE, Georges Dassis, saħaq li ħafna Ewropej issa għandhom ħajja privileġġjata, u qal li dan ma kienx il-każ kullimkien u ma kienx dejjem il-każ fl-Ewropa. “Huwa tassew importanti li ż-żgħażagħ jitħeġġu jieħdu r-responsabbiltà f’idejhom biex jitgħallmu dwar dak li nkiseb, iżda wkoll dwar kif nagħmluh aħjar. Għandna naħdmu flimkien u b’mod speċjali maż-żgħażagħ, peress li mingħajrkom xejn mhu ser isir,” qal is-Sur Dassis.

Il-KESE ser jiżgura li t-tliet proposti li rċevew l-aktar voti jikkontribwixxu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat lil-leġislaturi tal-UE. Barra minn hekk, is-Segretarju Ġenerali ta’ Europa Nostra, is-Sinjura Sneška Quaedvlieg-Mihailović, esprimiet l-interess tagħha li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jipu ppreżentati waqt is-Summit Ewropew tal-Wirt Kulturali, li ser isir dan is-sajf f’Berlin.

Kull sena l-KESE b’mod aleatorju jagħżel u jistieden 33 skola – kull waħda tirrappreżenta Stat Membru jew pajjiż kandidat – biex jattendu din l-inizjattiva taż-żgħażagħ annwali unika. Hekk kif l-avveniment “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” qed isir dejjem aktar popolari, il-Viċi President, is-Sur Lobo Xavier ssuġġerixxa li jinħoloq netwerk ta’ studenti u għalliema li ħadu sehem f’dan l-avveniment fil-passat u fil-preżent.

Biex issir taf aktar dwar l-avveniment “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek: https://www.eesc.europa.eu/en/agenda/our-events/events/your-europe-your-say-2018.

Downloads