L-aħħar sejħa biex jitressqu proġetti għall-Premju għas-Soċjetà Ċivili tal-2019 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

This page is also available in

Data finali għall-applikazzjonijiet: 6 ta’ Settembru

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) qed jistieden lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-individwi madwar l-Unjoni Ewropea biex japplikaw għall-Premju għas-Soċjetà Ċivili prominenti tiegħu. Din is-sena, qed jonora inizjattivi li jiġġieldu kontra l-isterjotipi tal-ġeneri billi jippromovu l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel u t-trattament ugwali tagħhom fl-isferi kollha tal-ħajja ekonomika u soċjali.

Id-data tal-għeluq biex jitressqu l-applikazzjonijiet hija l-10 a.m. fis-6 ta’ Settembru 2019,

Il-KESE – li jagħti leħen lit-trade unions, lill-NGOs u lill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem fl-Ewropa fil-livell tal-UE – nieda s-sejħa f’Ġunju għas-sottomissjonijiet għall-premju, b’total ta’ EUR 50 000. Il-premju se jingħata lil massimu ta’ ħames rebbieħa waqt iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni li se ssir fit-12 ta’ Diċembru 2019 fi Brussell.

Il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili huwa miftuħ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha rreġistrati uffiċjalment fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u li jaġixxu fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew Ewropew. L-individwi jistgħu japplikaw ukoll. Biex ikunu eliġibbli, l-inizjattivi jew proġetti jridu jkunu diġà ġew implimentati jew għadhom għaddejjin.

Id-deskrizzjoni sħiħa ta’ rekwiżiti u l-formola tal-applikazzjoni onlajn huma disponibbli fuq is-sit web tagħna: http://www.eesc.europa.eu/civilsocietyprize/

AKTAR DWAR IT-TEMA TAL-PREMJU TA’ DIN IS-SENA

Din is-sena, il-KESE ser jagħti l-Premju għas-Soċjetà Ċivili tiegħu għal proġetti u inizjattivi eċċezzjonali li jkopru mill-inqas waħda mill-kwistjonijiet li ġejjin:

  • il-ġlieda kontra jew is-sensibilizzazzjoni dwar l-isterjotipi tal-ġeneri, l-imġiba soċjali diskriminatorja u l-preġudizzju fl-isferi kollha tal-ħajja ekonomika u soċjali;
  • is-sensibilizzazzjoni dwar il-konsegwenzi tal-isterjotipi tal-ġeneri li jirriżultaw mill-kontenut tal-midja;
  • il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa f’impjiegi tradizzjonalment iddominati mill-irġiel, bħal fis-setturi tas-STEM u tal-ICT, u l-ġlieda kontra s-segregazzjoni tal-ġeneri fl-edukazzjoni;
  • il-ġlieda kontra d-differenzi bejn il-pagi u l-pensjonijiet abbażi tal-ġeneru;
  • il-promozzjoni tal-intraprenditorija tan-nisa, l-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet, l-indipendenza ekonomika tan-nisa u l-bilanċ bejn il-ġeneri;
  • l-indirizzar tal-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw in-nisa vulnerabbli bħall-ommijiet waħedhom, in-nisa b’diżabilità, il-migranti, il-minoritajiet etniċi jew il-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet.

DWAR IL-PREMJU GĦAS-SOĊJETÀ ĊIVILI

Il-Premju għas-Soċjetà Ċivili, li issa laħaq il-ħdax-il edizzjoni tiegħu, tnieda mill-KESE biex jippremja u jinkoraġġixxi inizjattivi u kisbiet min-naħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u/jew individwi, li kkontribwixxew b’mod sinifikanti għall-promozzjoni tal-valuri komuni li jsaħħu l-koeżjoni u l-integrazzjoni Ewropea. Fl-2018, il-Premju għas-Soċjetà Ċivili għamel enfasi fuq l-identitajiet, il-valuri Ewropej u l-wirt kulturali fl-Ewropa.

Aħna ġentilment nistiednuk tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’pajjiżek biex japplikaw għall-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili tal-2019 u b’hekk tgħin biex proġetti ta’ siwi jiksbu rikonoxximent.

Downloads

L-aħħar sejħa biex jitressqu proġetti għall-Premju għas-Soċjetà Ċivili tal-2019 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

See also