European Economic
and Social Committee
Il-KESE jiddedika l-Premju għas-Soċjetà Ċivili prominenti tiegħu tal-2019 għall-emanċiupazzjoni tan-nisa u għall-ġlieda favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) nieda l-Premju għas-Soċjetà Ċivili għall-2019. It-tema ta’ din is-sena hija dwar Aktar nisa fis-soċjetà u l-ekonomija tal-Ewropa, u l-premju se jonora inizjattivi u proġetti innovattivi li għandhom l-għan li jiġġieldu favur l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel u t-trattament ugwali tagħhom fl-isferi kollha tal-ħajja ekonomika u soċjali.
Il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili huwa miftuħ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha rreġistrati uffiċjalment fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u li jaġixxu fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew Ewropew. L-individwi jistgħu japplikaw ukoll. Biex ikunu eliġibbli, l-inizjattivi jew proġetti jridu jkunu diġà ġew implimentati jew għadhom għaddejjin.
Ser jiġu ppremjati total ta’ EUR 50 000 lil massimu ta’ ħames rebbieħa. L-iskadenza għall-applikazzjonijiet hi fl-10 a.m. tas-6 ta’ Settembru 2019, filwaqt li ċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet se ssir fit-12 ta’ Diċembru 2019 fi Brussell.
AKTAR DWAR IT-TEMA TAL-PREMJU TA’ DIN IS-SENA
Il-KESE – li jagħti leħen lit-trade unions, lill-NGOs u lill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem fl-Ewropa fil-livell tal-UE – wissa b’mod ripetut dwar is-segregazzjoni u d-diskriminazzjoni persistenti abbażi tal-ġeneri fis-swieq tax-xogħol u fis-soċjetà Ewropej. Sittin sena wara li l-UE ħadet impenn li tilħaq l-għan li titneħħa d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri fit-Trattat ta’ Ruma, din għadha prevalenti ħafna f’livell ta’ madwar 16 %, filwaqt li d-differenza fil-pensjonijiet abbażi tal-ġeneri hija f’livell enormi ta’ 38 %.
In-nisa jirrappreżentaw 51 % tal-popolazzjoni tal-UE, iżda minnhom hemm jaħdmu biss 67 %. Fost l-intraprendituri kollha, 31 % biss huma nisa. Minħabba d-dmirijiet tagħhom ta’ kura fid-dar, huwa aktar probabbli li jidħlu f’impjiegi part-time jew prekarji, u b’hekk jispiċċaw jaqilgħu anqas. Dawn għadhom sottorappreżentati ħafna fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi, bħall-bordijiet tal-kumpaniji.
L-isterjotipi tal-ġeneri jaffetwaw l-isferi kollha tal-ħajja. Il-midja spiss jipperpetwaw ir-rwoli tal-ġeneri, l-isterjotipi jew in-normi jew saħansitra juru immaġni degradanti tan-nisa. Fid-dawl tar-rigressjoni reċenti rigward id-drittijiet tan-nisa fl-Ewropa, u bi stimi skoraġġanti li skonthom irid jgħaddi seklu biex in-nisa jiġu ttrattati l-istess bħall-irġiel, dan l-aħħar il-KESE appella għal impenn politiku biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Ewropa.
Din is-sena, il-KESE ser jagħti l-Premju għas-Soċjetà Ċivili tiegħu għal proġetti u inizjattivi eċċezzjonali li jkopru mill-inqas waħda mill-kwistjonijiet li ġejjin:
- il-ġlieda kontra jew is-sensibilizzazzjoni dwar l-isterjotipi tal-ġeneri, l-imġiba soċjali diskriminatorja u l-preġudizzju fl-isferi kollha tal-ħajja ekonomika u soċjali;
- is-sensibilizzazzjoni dwar il-konsegwenzi tal-isterjotipi tal-ġeneri li jirriżultaw mill-kontenut tal-midja;
- il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa f’impjiegi tradizzjonalment iddominati mill-irġiel, bħal fis-setturi tas-STEM u tal-ICT, u l-ġlieda kontra s-segregazzjoni tal-ġeneri fl-edukazzjoni;
- il-ġlieda kontra d-differenzi bejn il-pagi u l-pensjonijiet abbażi tal-ġeneru;
- il-promozzjoni tal-intraprenditorija tan-nisa, l-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet, l-indipendenza ekonomika tan-nisa u l-bilanċ bejn il-ġeneri;
- l-indirizzar tal-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw in-nisa vulnerabbli bħall-ommijiet waħedhom, in-nisa b’diżabilità, il-migranti, il-minoritajiet etniċi jew il-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet.
Id-deskrizzjoni sħiħa ta’ rekwiżiti u l-formola tal-applikazzjoni onlajn huma disponibbli fuq is-sit web tagħna: http://www.eesc.europa.eu/civilsocietyprize/
DWAR IL-PREMJU GĦAS-SOĊJETÀ ĊIVILI
Il-Premju għas-Soċjetà Ċivili, li issa laħaq il-ħdax-il edizzjoni tiegħu, tnieda mill-KESE biex jippremja u jinkoraġġixxi inizjattivi u kisbiet min-naħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u/jew individwi, li kkontribwixxew b’mod sinifikanti għall-promozzjoni tal-valuri komuni li jsaħħu l-koeżjoni u l-integrazzjoni Ewropea. Fl-2018, il-Premju għas-Soċjetà Ċivili għamel enfasi fuq l-identitajiet, il-valuri Ewropej u l-wirt kulturali fl-Ewropa.
Aħna ġentilment nistiednuk tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’pajjiżek biex japplikaw għall-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili tal-2019 u b’hekk tgħin biex proġetti ta’ siwi jiksbu rikonoxximent.