Andrew Caruana Galizia: "Hemm bżonn naħdmu flimkien biex niżguraw li jitħarsu l-valuri Ewropej"

This page is also available in

Iben il-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia, li nqatlet fl-2017, waqt li kienet qed tirrapporta dwar il-korruzzjoni tal-gvern, indirizza s-sessjoni plenarja ta’ Diċembru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u qal li mekkaniżmu Ewropew għall-monitoraġġ tal-istat tad-dritt jista’ jgħin biex jiddefendi l-ġurnaliżmu minn kull forma ta’ pressjoni.

Il-qtil ta’ ġurnalista jikkostitwixxi attakk fuq is-soċjetà u fuq il-valuri fundamentali tal-Ewropa. Għal din ir-raġuni, l-UE tirrikjedi strutturi biex tiġġieled il-kriminalità transnazzjonali u mekkaniżmi biex jipproteġu l-ġurnalisti u l-libertà tal-midja.

Andrew Caruana Galizia, iben Daphne Caruana Galizia, il-ġurnalista Maltija li ġiet assassinata fis-16 ta’ Ottubru 2017 wara li investigat u kixfet każijiet ta’ korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-gvern, kien mistieden speċjali fis-sessjoni plenarja ta’ Diċembru tal-KESE, li fiha ġibed l-attenzjoni dwar il-bżonn ta’ strumenti ġodda fil-livell Ewropew għall-monitoraġġ tal-istat tad-dritt fl-Ewropa.

Il-Parlament Ewropew qed jaħdem biex jintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-istat tad-dritt u l-Kummissjoni l-ġdida tidher li taqbel. Irridu verament naħdmu flimkien biex niżguraw li dan ikun effettiv u adatt għall-iskop tiegħu u li l-valuri li jsawru l-Unjoni Ewropea jkunu infurzabbli daqs il-valuri li fuqhom huwa msejjes is-suq uniku tagħna, huwa qal.

Ħafna mir-reati li kixfet ommi kienu reati Ewropej, reati kriminali li kienu jinvolvu diversi ġurisdizzjonijiet. Huwa impossibbli li forza waħda tal-pulizija tipprovdi ġustizzja għal ħafna minn dawn ir-reati. Is-sħubija tal-UE ppermettiet il-fluss liberu tal-flus u l-appoġġ politiku fil-livell Ewropew, mingħajr il-fluss liberu tal-ġustizzja u tal-investigazzjoni tal-pulizija, kompla jgħid.

Il-President tal-KESE, Luca Jahier, saħaq dwar kif il-ġurnaliżmu ħieles huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb u bbilanċjat tas-soċjetà tagħna: Il-libertà tal-midja hija fil-qalba tal-valuri li ngħożżu. Jekk il-ġurnalisti jiġu msikkta, l-istess jiġri lid-demokrazija. Ir-rivelazzjonijiet ta’ dawn l-aħħar ġimgħat ikkonfermaw dak li Daphne kienet ilha twissi dwaru qabel il-qtil tagħha: li l-istat tad-dritt fl-iżgħar Stat Membru tal-Unjoni Ewropea kien ġie kompromess mill-istess persuni li kellhom id-dmir li jipproteġu ċ-ċittadini ta’ Malta. Minn dak iż-żmien ’l hawn, ġurnalisti oħra tilfu ħajjithom waqt li kienu qed jaħdmu fuq stejjer investigattivi. Kollha ddifendew id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Kollha mietu għax xejn ma seta’ jsikkithom.

L-Assemblea tat ġieħ lix-xogħol imprezzabbli ta’ Daphne, filwaqt li b’unanimità affermat mill-ġdid l-importanza ta’ stampa ħielsa/libera u enfasizzat ir-rwol essenzjali tal-ġurnalisti biex iħarsu l-libertajiet fundamentali tagħna ta’ kuljum, li, flimkien mad-demokrazija u l-istat tad-dritt, jikkontribwixxu għall-paċi u l-istabbiltà fl-Ewropa.

Huwa u jsemmi d-dimostrazzjonijiet tal-poplu Malti li attwalment qed isiru ta’ kuljum, Stefano Mallia, membru tal-KESE minn Malta, qal li: Din hija l-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna li eluf ta’ nies qed jipprotestaw mingħajr ma jitmexxew minn partit politiku. Dan huwa bla preċedent f’pajjiż fejn il-partiti politiċi huma preżenti ħafna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Dan huwa mument fl-istorja fejn is-soċjetà ċivili fl-aħħar bdiet tlissen il-fehmiet tagħha . Daphne kienet tkun kburija b’dan. Irridu nnaddfu mill-qiegħ is-sistema politika tagħna, biex niddefendu d-demokrazija tagħna u biex niksbu l-ġustizzja għal Daphne, għal familtha u għan-nazzjon li ġġieldet ħafna għalih.

Is-Sur Caruana Galizia, b’referenza għall-aħħar żviluppi fl-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ ommu, kien iebes fi kliemu u qal li qatt ma jista’ jiġi ttamat li ssir ġustizzja mingħajr bidla istituzzjonali f’Malta u li kienet meħtieġa wkoll bidla fil-kultura politika tal-pajjiż: Issa ninsabu eqreb minn qatt qabel fl-istorja nazzjonali tagħna lejn kunsens dwar dak li hemm bżonn li jinbidel fil-pajjiż, liema bidliet istituzzjonali u kostituzzjonali neħtieġu, kif ukoll bidliet rigward il-kultura politika, il-partiti u l-kultura tal-midja.

Is-Sur Jahier ikkonkluda billi faħħar il-mobilizzazzjoni straordinarja tas-soċjetà ċivili Maltija: Dawk kollha li kienu responsabbli għall-qtil ta’ Daphne għandhom jinżammu responsabbli mill-aktar fis possibbli. Iċ-ċittadini Ewropej ma jistgħux jittolleraw aktar dewmien. Ninsab tassew kburi bl-organizzazzjonijiet Maltin tas-soċjetà ċivili, li talbu li issir ġustizzja, peress li ħadd m’għandu jkun ‘il fuq mil-liġi. Nixtieq nesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ qawwija tagħna f’dan il-perjodu kruċjali għall-futur ta’ pajjiżhom, għall-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-Ewropa tagħna. Aħna magħkom!

Downloads

Andrew Caruana Galizia: "We need to work together to make sure that European values are upheld"