Ir-rispons tal-UE għat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-ħtieġa għal solidarjetà bla preċedent fost l-Istati Membri

This page is also available in

Għal pjan Ewropew ta’ rkupru ekonomiku urġenti u komprensiv

Il-kriżi tal-COVID-19 tirrappreżenta l-ewwel nett emerġenza għas-saħħa tal-bniedem, it-tieni theddida ekonomika u soċjali severa u t-tielet sfida potenzjali għall-istituzzjonijiet demokratiċi.

Fl-indirizzar ta’ din il-kriżi – waħda mill-agħar fl-istorja tagħha – l-UE jeħtiġilha tkun iggwidata mill-prinċipju li titqies bħala komunità ta’ destin komuni. Permezz ta’ dan il-prinċipju, il-KESE jfakkar li huwa possibbli li jiġu adottati u kkoordinati miżuri komuni u ta’ solidarjetà biex jilqgħu l-effetti negattivi tal-kriżi tal-COVID-19 fuq is-saħħa, l-ekonomija u s-soċjetà.

F’dan ir-rigward, il-KESE japprezza r-rispons rapidu tal-Kummissjoni Ewropea, u jilqa’ l-miżuri kollha tal-UE li tħabbru s’issa. Madankollu, dawn il-miżuri l-KESE jqishom biss l-ewwel espressjoni tanġibbli tas-solidarjetà u r-responsabbiltà tal-UE lejn iċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-ħaddiema tagħha, kif ukoll bħala l-ewwel pass vitali meħtieġ fil-ġlieda kollettiva tagħna kontra l-pandemija.

Fl-istess ħin, il-Kumitat jemmen li l-iskala tal-miżuri u l-ammont ta’ riżorsi attivati jridu jkunu proporzjonati mad-daqs tal-emerġenza sabiex dawn ikunu effettivi. Qegħdin ngħixu fi żminijiet eċċezzjonali, li qegħdin jikkawżaw pressjoni insopportabbli fuq iċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-ħaddiema tal-UE, li bir-raġun jinsabu ħosbiena dwar saħħithom, l-impjiegi tagħhom, u l-futur ta’ wliedhom. Dan il-mument jitlob tmexxija politika b’saħħitha u att unanimu ta’ kuraġġ mill-mexxejja politiċi tal-Ewropa. Iċ-ċittadini tagħna u tabilħaqq l-istorja se jiġġudikawna abbażi ta’ liema azzjonijiet nieħdu jew nonqsu milli nieħdu f’dan il-mument importanti ħafna.

Il-KESE jinsab konvint li – f’dawn iż-żminijiet ta’ inċertezza kbira – pjan Ewropew ta’ rkupru ekonomiku komprensiv biss jippermetti li l-Istati Membri tal-UE, iċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-ħaddiema tagħha jiffaċċjaw bl-aħjar mod il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 u jibnu mill-ġdid ekonomija Ewropea aktar sostenibbli u reżiljenti.

Fil-fehma tal-KESE, pjan ta’ rkupru bħal dan għandu jinkludi fl-ewwel lok il-miżuri li ġejjin immirati biex jiżguraw rispons ta’ politika fiskali u monetarja xieraq fil-livell taż-żona tal-euro, li jkun proporzjonat mad-dimensjoni u l-objettivi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna:

  • jiġi esplorat il-potenzjal sħiħ tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà sabiex jgħin b’mod attiv lill-Istati Membri kollha biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fis-suq permezz tal-linji ta’ kreditu prekawzjonarji tiegħu, li għandhom isiru disponibbli b’mod rapidu u mingħajr kondizzjonalità diskriminatorja, filwaqt li tiġi adattata b’mod xieraq il-politika dwar l-ipprezzar tiegħu sabiex jitqiesu r-rati ferm baxxi tas-suq ta’ bħalissa;
  • jiġi stabbilit b’mod rapidu l-istrument Ewropew għal appoġġ temporanju (SURE) li għadu kif ġie propost mill-Kummissjoni. Dan se jkun strument importanti biex jittaffew l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19, bil-għan speċifiku li jiġu protetti l-impjiegi u l-persuni li jaħdmu;
  • jinħoloq fond dedikat tal-COVID-19, li se jirrappreżenta r-"riżorsi għall-gwerra" tal-UE sabiex tipprovdi l-akbar appoġġ finanzjarju possibbli lill-Istati Membri kollha tal-UE f’żewġ stadji: l-ewwel stadju biex tindirizza l-emerġenza tas-saħħa, ekonomika u soċjali, u t-tieni stadju sabiex tagħti spinta lill-ekonomija Ewropea ladarba tintemm l-emerġenza tas-saħħa. L-aċċess għal dan il-fond irid ikun ugwali għall-Istati Membri kollha u għandu jkun indirizzat biex jipprevjeni li n-negozji jfallu, jiggarantixxi l-impjiegi u jgħin lill-kumpaniji Ewropej u dawk li jaħdmu għal rashom biex joħorġu mill-kriżi fl-iqsar żmien possibbli;
  • jissaħħaħ ir-rwol kontroċikliku tal-Bank Ewropew tal-Investiment billi tiżdied il-kapaċità tiegħu, u jiġi kkonfermat ir-rwol tal-Bank Ċentrali Ewropew bħala mutwanti tal-aħħar istanza li għandu jkun jista’ jipprovdi likwidità mingħajr limitu permezz ta’ aktar miżuri mhux konvenzjonali tal-politika monetarja, bil-għan li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ likwidità tal-ekonomija reali, tinżamm l-integrità taż-żona tal-euro, jissaħħaħ il-funzjonament tas-suq uniku, u jiġi appoġġjat ir-rwol tal-UE bħala attur ekonomiku globali.

F’konformità mal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi minnufih il-baġit attwali tal-UE biex tqis id-dimensjoni tal-kriżi tal-COVID-19 billi:

  • timmobilizza l-marġnijiet finanzjarji disponibbli fil-baġit tal-2020;
  • tiffoka mill-ġdid il-bilanċ pożittiv tal-UE tal-2019, minflok tirritorna dawn il-flus lill-Istati Membri, u tuża dawn il-fondi speċifikament biex tiffaċilita l-ibbaġitjar ta’ azzjonijiet relatati mal-coronavirus, preferibbilment fil-livell tal-UE;
  • temenda l-leġislazzjoni eżistenti fil-qasam tal-koeżjoni, sabiex l-Istati Membri jkun jista’ jkollhom aktar flessibbiltà biex jagħmlu trasferimenti bejn il-programmi differenti tal-politika ta’ koeżjoni sabiex ir-riżorsi jiġu diretti malajr lejn fejn huma l-aktar meħtieġa.

Minbarra dan ta’ hawn fuq, huwa ċar li Suq Uniku kompletament operattiv huwa aktar importanti minn qatt qabel u li t-tlestija tiegħu ser tkun il-pedament tal-irkupru. Bħalissa, minbarra li jissalvagwardjaw is-saħħa taċ-ċittadini tagħhom, huwa vitali li l-Istati Membri jistabbilixxu kurituri ekoloġiċi li jippermettu l-fluss liberu ta’ merkanzija u provvisti kritiċi madwar l-Unjoni.

Barra minn hekk, il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-pandemija tal-COVID-19 uriet fiċ-ċar ir-realtà ħarxa li l-UE m’għandhiex ir-regoli u l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tiffaċċja tali emerġenza b’mod rapidu u koerenti. It-tagħlimiet ħorox li qegħdin jinsiltu minn din l-emerġenza tas-saħħa jesiġu li l-ħolqien ta’ “Unjoni tas-Saħħa tal-UE” titpoġġa fuq l-aġenda Ewropea.

Il-COVID-19 se jkollu impatt profond u negattiv fuq il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Għal din ir-raġuni, il-KESE jinsisti fuq il-ħtieġa li nindirizzaw din it-theddida urġenti mill-aktar fis possibbli u li niffukaw l-isforzi ta’ rkupru tagħna mingħajr dewmien żejjed fuq l-SDGs u l-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Inħarsu l-istat tad-dritt u l-valuri Ewropej

L-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq valuri komuni Ewropej li m’għandhom qatt ikunu negozjabbli[1]: ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt. Dawn il-valuri ma jistgħux jintesew anke meta l-UE u l-Istati Membri tagħha jiffaċċjaw emerġenza u l-konsegwenzi tagħha f’termini ta’ sfidi ekonomiċi u soċjali. Filwaqt li r-rispons għall-kriżi attwali jeħtieġ li jkun rapidu u jiġġustifika ċerti miżuri eċċezzjonali għal żmien limitat, dawn ma jistgħux imorru kontra l-istat tad-dritt u ma jistgħux jipperikolaw id-demokrazija, is-separazzjoni tas-setgħat u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej. Il-KESE jinsisti li l-miżuri kollha ta’ politika f’dan ir-rigward jridu jkunu konformi għalkollox mal-valuri komuni tagħna kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Din it-tifqigħa hija test ta’ solidarjetà – politika, finanzjarja, soċjali u xjentifika – għall-Unjoni Ewropea kollha. Jeħtieġ li ningħaqdu flimkien biex niġġieldu kontra theddida komuni u eżistenzjali li ma tħarisx lejn il-fruntieri, niżguraw li jkollna r-riżorsi meħtieġa biex tintemm din it-tifqigħa u li nsibu flimkien tweġibiet komuni għal problemi komuni.


[1]             Opinjoni tal-KESE dwar Il-futur tal-UE: Benefiċċji għaċ-ċittadini u rispett għall-valuri Ewropej