llIl-politika ta’ koeżjoni trid tkun parti integrali minn strateġija ġdida għall-UE, iħeġġeġ il-KESE

This page is also available in

L-Unjoni Ewropea teħtieġ b’mod urġenti strateġija ġdida, ambizzjuża u ċara għall-futur tagħha. Il-politika ta’ koeżjoni trid tkun parti integrali minnha. Dispożizzjonijiet ġodda dwar il-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu wara l-2020 iridu jipprevedu għal mezzi suffiċjenti u jiggarantixxu titjib fl-effiċjenza u l-viżibbiltà tal-politika tagħha, iħeġġeġ il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) f’Opinjoni esploratorja dwar il-futur tal-politika ta’ koeżjoni, mitluba mill-Presidenza Rumena tal-Kunsill.

Il-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu wara l-2020 teħtieġ viżjoni strateġika

Fil-fehma tal-Kumitat, il-politika ta’ koeżjoni trid tkun parti integrali minn strateġija ġdida Ewropea li tkun ċara u ambizzjuża u konformi mal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, flimkien mal-impenji internazzjonali l-oħra tal-UE. Din l-istrateġija l-ġdida għandha tipprovdi wkoll viżjoni għall-politika ta’ koeżjoni futura nnifisha. Id-dokument ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar Ewropa aktar sostenibbli sal-2030 diġà fetaħ diskussjonijiet dwar dan.

Il-KESE jinsab konvint bis-sħiħ li politika ta’ koeżjoni li tibqa’ valida għall-futur trid tkun miftuħa għar-reġjuni kollha u tipprovdi l-għodod meħtieġa biex tilqa’ kontra l-isfidi tal-futur, li jinkludu fost oħrajn, li tadotta teknoloġiji ġodda, tikseb livell ogħla ta’ kompetittività u tiġġestixxi t-tranżizzjoni lejn żvilupp sostenibbli filwaqt li toħloq impjiegi ta’ kwalità, qal ir-relatur tal-KESE Stefano Mallia.

Filwaqt li l-Opinjoni reċenti tal-Kumitat tenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta’ politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2021-2027, hija tħeġġeġ li sfidi speċifiċi attwali - soċjali (marġinalizzazzjoni u diskriminazzjoni ta’ minoranzi u gruppi etniċi speċifiċi, jew vjolenza domestika), ekonomiċi (aċċess għal finanzjament u titjib tal-ħiliet) u ambjentali - ma għandhomx jintesew.

Fil-kuntest tat-tfassil ta’ politika ġdida, il-korelatur Ioannis Vardakastanis fakkar li l-KESE ma setax jaċċetta l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal tnaqqis fil-baġit. Il-KESE jqis il-politika ta’ koeżjoni bħala waħda mill-pilastri fundamentali sabiex l-UE toqrob lejn iċ-ċittadini tagħha u biex jitnaqqsu d-disparitajiet fost ir-reġjuni tal-UE u l-inugwaljanzi fost in-nies, huwa sostna. Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali u ta’ sfidi emerġenti ġodda, il-baġit għandu jibqa’ mill-inqas fil-livell tal-perjodu preċedenti.

L-Opinjoni, li ġiet adottata mill-plenarja tal-KESE f’Marzu, tenfasizza wkoll f’dan ir-rigward li l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni jrid jiġi kkomunikat b’mod aktar effikaċi. Għaldaqstant, l-obbligi ta’ pubbliċità attwali għal proġetti ffinanzjati jridu jiġu aġġornati b’mod sinifikanti sabiex il-valur miżjud tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea b’mod ġenerali u tal-politika ta’ koeżjoni b’mod partikolari jsir aktar viżibbli għaċ-ċittadini.

Il-politika ta’ koeżjoni futura trid tindirizza l-ħtiġijiet territorjali b’approċċi mfassla apposta

Il-Kumitat jappella għal approċċ differenzjat skont ir-reġjun għall-investimenti u r-risponsi ta’ politika. Approċċ differenzjat skont ir-reġjun se jikkontribwixxi għal soluzzjonijiet li huma aktar adattati għall-ħtiġijiet territorjali. Dan se jippermettilna nappoġġjaw liż-żoni l-aktar iżolati u skarsament popolati u liż-żoni urbani popolari u funzjonali li xorta waħda jiffaċċjaw sfidi, spjega Stefano Mallia.

Approċċ territorjali b’saħħtu għandu jimmira li jagħti s-setgħa lil kull reġjun bl-għodod meħtieġa biex itejjeb il-kompetittività tiegħu b’mod sostenibbli, u jitkompla l-appoġġ għal kooperazzjoni transfruntiera.

L-isforzi nazzjonali u Ewropej għall-koeżjoni jridu jimxu id f’id

L-Opinjoni tal-KESE tappella wkoll għal aktar koerenza u kontinwità bejn l-istrateġiji ta’ riforma Ewropej u nazzjonali, pereżempju fil-qasam tal-investimenti. Il-finanzjament tal-UE ma jridx jissostitwixxi l-isforzi nazzjonali iżda jikkomplementahom u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jmexxu ’l quddiem proġetti ta’ suċċess iffinanzjati mill-UE. Il-KESE jipproponi wkoll li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi mressqa fil-proċess tas-Semestru Ewropew ikunu marbuta mal-politika ta’ koeżjoni sabiex jitħeġġu r-riformi strutturali fil-livell nazzjonali.

Aktar semplifikazzjoni hija possibbli, jgħid il-KESE

Fir-rigward tal-proposti tal-Kummissjoni dwar is-semplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet, il-KESE jemmen li hemm aktar x’jista’ jsir. Il-Proċeduri jridu jiġu adattati għad-daqs tal-programmi operattivi, sostna Ioannis Vardakastanis. Aħna nappellaw għal approċċ aktar differenzjat għal proġetti żgħar u kbar. Minbarra l-aċċess semplifikat għall-fondi, il-Kummissjoni għandha tesplora aktar possibbiltajiet biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ atturi iżgħar, huwa żied jgħid.

Sħubija strutturata ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw parteċipazzjoni b’saħħitha u sinifikanti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-istadji kollha tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni.

Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tistabbilixxi forum Ewropew ta’ koeżjoni tas-soċjetà ċivili biex tiġi strutturata l-parteċipazzjoni fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni fil-livell tal-UE. Dan il-forum jista’ jkun il-qafas għal konsultazzjoni annwali fil-futur.

Approċċ territorjali b’saħħtu, aktar koerenza u kontinwità bejn l-istrateġiji Ewropej u dawk nazzjonali, aktar semplifikazzjoni u involviment tas-soċjetà ċivili jistgħu, fil-fehma tal-Kumitat, jikkontribwixxu għal titjib fl-effiċjenza tal-politika.

See also