Il-KESE jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jadottaw mudell taċ-ċibersigurtà fuq livell Ewropew, biex isaħħu l-mandat tal-aġenzija għaċ-ċibersigurtà Ewropea u, fl-aħħar nett, biex tiġi stabbilita skema ta’ ċertifikazzjoni Ewropea effettiva għas-servizzi u l-prodotti onlajn.

Dawn huma l-konklużjonijiet ewlenin tas-smigħ pubbliku dwar l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà li sar fi Brussell fid-9 ta’ Jannar 2018 li ser jikkontribwixxi għall-Opinjoni tal-KESE li qed tiġi abbozzata minn Alberto Mazzola u Antonio Longo tas-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni (TEN).

Il-KESE jappoġġja b’mod wiesa’ l-pakkett dwar iċ-ċibersigurtà li jinsab fil-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li ntbagħtet lill-Kunsill f’Settembru tal-2017 u tenfasizza l-miżuri li ġejjin.

  • Mudell Ewropew taċ-Ċibersigurtà

Il-kunċett taċ-ċibersigurtà tfaċċa mad-dinja kollha. Huwa sfida globali peress li l-attakki jistgħu jseħħu fi kwalunkwe post u jkollhom fil-mira individwi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sistemi soċjali u s-setturi ekonomiċi fi kwalunkwe Stat Membru. Din hija r-raġuni għalfejn il-KESE qed iħeġġeġ lill-UE biex tieħu l-passi neċessarji u taqbel dwar mudell ta’ reżiljenza kontra tali attakki fil-livell Ewropew.

  • Aġenzija tal-UE għaċ-ċibersigurtà aktar b’saħħitha

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) huwa ċentru ta’ għarfien espert għaċ-ċibersigurtà fl-Ewropa u huwa attwalment ibbażat fil-Greċja. Il-KESE jemmen li din għandha tiġi żviluppata, issir permanenti u mogħnija b’aktar riżorsi. Għandha tiffoka fuq il-gvern elettroniku u s-servizzi universali (is-saħħa elettronika) u kif ukoll il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra s-serq tal-identità u l-frodi onlajn.

  • Ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà Ewropea

Sabiex ikun garantit livell għoli ta’ sigurtà, il-KESE jirrakkomanda li jiġi stabbilit qafas ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà fl-UE, ibbażat fuq standards taċ-ċibersigurtà u tal-ICT definiti b’mod komuni fil-livell Ewropew. Is-servizzi u l-prodotti onlajn jistgħu mbagħad jiġu ċċertifikati b’sistema ta’ tikkettar xieraq, bil-ħsieb li tittejjeb il-fiduċja tal-konsumatur. (mp)