It-taljan Luca Jahier ġie elett bħala t-32 President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), li ser imexxi għas-sentejn u nofs li ġejjin, flimkien maż-żewġ viċi presidenti ġodda tiegħu, Milena Angelova (Bulgarija) għall-baġit u Isabel Caño Aguilar (Spanja) għall-komunikazzjoni.

 

F’diskors ispiranti, li sar fit-18 ta’ April fil-plenarja tal-KESE, li mmarka tmiem il-presidenza ta’ Georges Dassis, il-president il-ġdid stabbilixxa l-erba’ prijoritajiet ewlenin tal-programm tiegħu: żvilupp sostenibbli, il-promozzjoni tal-paċi, it-tisħiħ tar-rwol tal-kulturau li jingħata leħen liż-żgħażagħ tal-Ewropa.

“Nistedinkom ilkoll tingħaqdu miegħi f’impenn ċiviku qawwi favur il-futur Ewropew sostenibbli tagħna. Nistedinkom tissieħbu fil-ħolma miegħi dwar Ewropa b’nifs ġdid u biex naħdmu flimkien għat-tieni Rinaxximent Ewropew!” Is-Sur Jahier qal lill-korp ta’ 350 membru, li wara l-ħatra tal-Bureau l-ġdid tiegħu huwa eżempju eċċellenti ta’ ugwaljanza bejn is-sessi, b’ħafna pożizzjonijiet għolja meħudin minn nisa.

L-Ewropa, li għadha tħabbat wiċċha ma’ livelli għoljin ta’ faqar u l-kriżi tal-migrazzjoni li għadha ma nstabitx soluzzjoni għaliha, kif ukoll livelli baxxi ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi - tkun tibbenefika mir-rivoluzzjoni umanistika b’saħħitha u trasformazzjoni simili għal dik tar-Rinaxximent, Is-Sur Jahier żied jgħid, bit-tama li l-erba’ prijoritajiet tiegħu għal “aġenda li tgħaqqad għall-futur” tkun tista’ tagħti lil din ir-“rEUnaissance ” ċans reali.

Filwaqt li faħħar il-ħidma tal-predeċessur tiegħu, is-Sur Dassis fuq kwistjonijiet importanti bħalma huma l-migrazzjoni, il-pilastru soċjali u l-futur tal-Ewropa, is-Sur Jahier qal li ser ikompli f’din id-direzzjoni u ser jagħmel ħiltu biex ikompli jtejjeb ir-rwol tal-KESE biex jiġġieled kontra t-tendenzi populisti u nazzjonalisti kif ukoll l-indirizzar tat-tnaqqis tal-ispazju ċiviku.

“Għall-Ewropa t’għada, għandu jkollna l-kuraġġ; jeħtieġ ikollna l-kuraġġ li nimmaġinaw dinja ġdida. M’hemmx ħin x’jinħela, peress li ħafna telfiet fl-istorja jistgħu jitqassru f’żewġ kelmiet: tard wisq," ikkonkluda s-Sur Jahier.

Fid-diskorsi inawgurali tagħhom, iż-żewġ viċi presidenti tkellmu dwar l-importanza tal-ħidma tal-KESE.

"Il-KESE għandu rwol uniku u importanti x’jaqdi hawnhekk, peress li jinsab f’pożizzjoni li jippreżenta l-fehma bbilanċjata tal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata dwar kif nistgħu naħdmu flimkien b’mod aktar effettiv biex niksbu approċċ aktar magħqud u aktar Ewropa federali," qalet is-Sinjura Angelova.

Is-Sinjura Caño Aguilar, qalet: "Il-Kumitat huwa verament il-punt ta’ djalogu, il-pont bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-makkinarju li jżomm il-proċess għaddej. U f’dan ir-rwol, irridu nisimgħu u nitkellmu.”.”

Ara d-diskors inawgurali ta’ Luca Jahier wara li ġie elett bħala l-President il-ġdid tal-KESE. (ll)