Il-KESE jilqa’ l-ewwel self lill-ekonomija soċjali taħt il-Pjan Juncker

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) ħareġ self lill-intrapriża tal-ekonomija soċjali Spanjola ILUNION EUR 35 miljun. Is-self jirrikonoxxi l-potenzjal tal-ekonomija soċjali, li l-KESE ilu li rrikonoxxa. Is-self huwa mistenni joħloq 725 impjieg ġdid.

ILUNION, li tagħmel parti mill-grupp soċjali Spanjol ONCE, iffirmat ftehim fil-25 ta’ Settembru fi Brussell għal self ta’ EUR 35 miljun mill-BEI, iffinanzjat mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi, magħruf aħjar bħala l-Pjan Juncker. Is-self huwa maħsub li jiffinanzja nofs il-pjan ta’ investiment ta’ EUR 70 miljun immirat lejn it-tisħiħ tad-dipartimenti tal-lukandi u tal-londri tal-parti kummerċjali tal-grupp, l-akbar impjegatur tal-persuni b’diżabilità fi Spanja.

Is-self jimmarka żvolta deċiżiva fis-'soċjalizzazzjoni' tant mixtieqa tal-Pjan Juncker. Il-pjan wera li kien mod innovattiv li jippermetti lill-investituri Ewropej jinvolvu ruħhom f’investimenti ambizzjużi li l-banek tradizzjonali kieku jibqgħu lura milli jwettquh.

"Għal iktar minn għoxrin sena, il-KESE enfasizza l-importanza li, b’mod sistematiku, issir promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur għall-investiment, it-tkabbir u fuq kollox il-ħolqien tal-impjiegi. F’dawn l-aħħar għaxar snin, ġibed l-attenzjoni, permezz ta’ diversi dokumenti, għad-diffikultajiet tas-settur soċjali li jiffinanzja l-investimenti tiegħu u l-ħtieġa li l-UE tappoġġjah. Is-self tal-BEI huwa t-tweġiba għal dawn is-sejħiet", qal Miguel Angel Cabra de Luna, membru tal-KESE li jirrappreżenta l-Konfederazzjoni Spanjola tal-Intrapriżi tal-Ekonomija Soċjali (CEPES).

Is-self jirrikonoxxi wkoll il-potenzjal tal-ekonomija soċjali (madwar 10 % tal-PDG Ewropew) li toħloq l-impjiegi għall-persuni b’diżabilità (15 % tal-popolazzjoni tal-UE). Il-KESE jittama li din l-istorja ta’ suċċess twassal għal investimenti soċjali ġodda fl-Ewropa. (dm)

Fir-ritratt: Il-President ta’ ILUNION, Alberto Durán, il-Viċi President tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Emma Navarro, il-President tal-Grupp ONCE, Miguel Carballeda u l-Viċi President tal- Kummissjoni Ewropea Jyrki Katainen.