Nqarrbu lill-konsumaturi lejn il-qalba tal-finanzi

Is-servizzi finanzjarji transfruntiera diġitali żgur mhumiex popolari mal-konsumaturi Ewropej, li xorta għadhom jippreferu l-kuntatt wiċċ imb wiċċ li joffru l-banek nazzjonali tal-bejgħ bl-imnut. Hemm il-ħtieġa għal aktar sforzi sabiex il-konsumaturi Ewropej ikollhom għażla aħjar, prodotti li jinftiehmu faċilment u servizzi affordabbli, filwaqt li nħarsu aktar it-tranżazzjonijiet transfruntiera u nagħmluhom aktar siguri. Dawn kienu l-konklużjonijiet ewlenin li ħarġu minn dibattitu li seħħ fis-sede tal-KESE fis-26 ta’ Settembru.

L-avveniment, intitolat Il-konsumaturi fil-qalba tal-finanzi fl-Ewropa, ġie organizzat mis-Sezzjoni tas-Suq Intern tal-KESE (INT) b’kooperazzjoni mal-ERFF (European Retail Financial Forum). Għaqqad flimkien, fost oħrajn: membri tal-KESE Ariane Rodert, il-President tas-Sezzjoni INT, Petru Sorin Dandea, relatur għall-pjan ta’ azzjoni ta’ FinTech, Carlos Trias Pintó, relatur għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar Finanzi Sostenibbli u għar-Regolament dwar id-divulgazzjonijiet u l-konsulenza u korelatur għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur; rappreżentanti tal-konsumaturi Evangelia Kekeleki u Claude Mader; MEPs Othmar Karas u Molly Scott Cato; Renatas Mazeikas, Kap tal-Unità għall-Politika tal-Konsumatur tal-Kummissjoni Ewropea; rappreżentanti tal-ERFF; u organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u uffiċjali pubbliċi nazzjonali.

Id-dibattiti kienu strutturati madwar żewġ panels:

  • Konverżjonijiet transfruntiera, mergers u diviżjonijiet
  • It-tisħiħ tat-trasparenza u l-fiduċja għal futur sostenibbli

Il-parteċipanti qablu li l-konsumaturi Ewropej ma jaċċettawx id-diġitalizzazzjoni sħiħa, minħabba li l-kuntatt fiżiku għadu importanti ħafna għalihom. Attwalment huma biss 7 % li jagħmlu użu minn tranżazzjonijiet finanzjarji transfruntiera. In-nuqqas ta’ fiduċja huwa aċċentwat mill-fatt li l-leġislazzjoni tal-UE dwar il-konsumatur mhix trasposta b'mod uniformi madwar l-Ewropa. Il-konferenza kkonkludiet li għalkemm il-konsumaturi għadhom 'il bogħod mill-qalba tal-finanzi, dawn għandhom isiru l-fokus prinċipali ta’ dan il-qasam.

L-ewwel panel enfasizza li l-Istati Membri għandhom jinfurmaw liċ-ċittadini tagħhom kemm dwar il-potenzjal u r-riskji taċ-ċibersigurtà kif ukoll dwar il-protezzjoni tad-data sabiex jagħmlu s-Suq Uniku Diġitali realtà. Enfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa l-fiduċja billi jingħataw pariri lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom u billi jiġi pprovdut aċċess faċli għar-rimedju, u żvela li 74 % mit-48 000 talba għall-assistenza trattati mill-ECC-Net kellhom x’jaqsmu mal-kummerċ elettroniku.

Il-kelliema ħadu nota tal-fatt li FinTech ġġib magħha opportunitajiet għal kompetizzjoni akbar u spejjeż aktar baxxi għall-konsumaturi, iżda tqajjem tħassib fir-rigward ta’ pariri awtomatizzati, l-użu tal-intelliġenza artifiċjali u l-big data, u l-operat ta’ pjattaformi finanzjarji.

Il-panel enfasizza li l-proposta tal-Kummissjoni tista’ toħloq suq sekondarju għas-self improduttiv b’perikli kbar għall-konsumaturi, li kienu diġà ħallsu prezz qares għall-kriżi finanzjarja. Il-pariri finanzjarji taw it-tama lill-konsumaturi li jkunu jistgħu jagħżlu l-prodotti finanzjarji adatti, iżda d-data wriet li s-servizzi finanzjarji kklassifikaw fl-aħħar postijiet fost is-setturi kollha f’termini ta’ fiduċja u sodisfazzjon tal-konsumaturi.

It-tieni panel ġibed l-attenzjoni li l-finanzi sostenibbli huma fundamentali għal ekonomija sostenibbli, bi studji li juru li 70 % tal-investituri jimpurtahom mill-ambjent. Ġie enfasizzat li l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni li jivvalutaw il-kwalità ta’ prodotti finanzjarji għandhom jipprovdu wkoll tagħrif ċar dwar kif intużaw l-investimenti.

Waħda mir-rakkomandazzjonijiet kienet li jiġi definit it-terminu "prodotti ewlenin” sempliċi, komparabbli u trasparenti għall-konsumaturi madwar l-UE permezz ta’ diversi sistemi ta’ distribuzzjoni diġitali, sabiex il-konsumaturi jiġu mħeġġa jafdaw dawn il-prodotti.

Id-differenzi legali u lingwistiċi, it-tariffi ogħla u n-nuqqas ta’ aċċess għal ċerti servizzi u prodotti finanzjarji għal dawk mhux residenti, id-differenzi fit-taxxa, ir-riskji tar-rata tal-kambju, eċċ. huma ostakli li għandhom jitneħħew. Ġiet enfasizzata l-ħtieġa għal mezzi tax-xandir diġitali li japplikaw il-prinċipji tan-newtralità teknoloġika, il-proporzjonalità u l-integrità, minħabba l-fatt li bejn 60 u 70 % tal-konsumaturi huma kontra l-iżvelar tad-data tagħhom lill-partijiet terzi. (dm)

Fir-ritratt, mil-lemin għax-xellug:  Membri tal-KESE Carlos Trias Pinto, Ariane Rodert u Michael Ikrath, l-MEP Othmar KARAS u Fiona Murray mill-ERFF