Luca Jahier: “L-Ewropa jeħtieġ tkun sostenibbli jew inkella sempliċiment ma jkunx hemm Ewropa”

Fil-konferenza ta’ livell għoli dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-Inizjattivi għal Katini ta’ Valur Mondjali ospitata mill-KESE flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Netherlandiż, Luca Jahier qal li m’hemm ebda alternattiva għal ekonomija sostenibbli: "L-Ewropa jeħtieġ tkun sostenibbli jew inkella sempliċiment ma jkunx hemm Ewropa”

Il-konferenza, li saret fit-30 ta’ Ottubru, laqqgħet flimkien rappreżentanti ta’ negozji, trejdjunjins, NGOs u organizzazzjonijiet professjonali minn madwar l-Ewropa kollha, u s-sessjoni tal-ftuħ inkludiet ukoll lil Frans Timmermans, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, u Sigrid Kaag, ministru għall-kummerċ barrani u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tan-Netherlands.

Waħda mill-konklużjonijiet ewlenin tal-konferenza kienet li l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli hija responsabilità konġunta maqsuma bejn is-soċjetà ċivili, l-UE u l-awtoritajiet tal-Istati Membri, kif ukoll is-settur privat. L-esperti qablu wkoll li huwa essenzjali li jkun hemm taħlita ta’ miżuri regolatorji u inċentivi li jinkoraġġixxu inizjattivi volontarji sabiex jissaħħaħ l-involviment tal-kumpaniji privati u taċ-ċittadini. (dgf)