L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jitolbu lis-Serbja ssaħħaħ l-istat tad-dritt

Is-7 laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt tas-Soċjetà Ċivili UE-Serbja (JCC) li saret f’Belgrad fit-23 ta’ Ottubru kienet okkażjoni biex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili miż-żewġ naħat jeżaminaw is-sitwazzjoni attwali tal-proċess ta’ adeżjoni tas-Serbja.

Għalkemm sar ħafna progress f’bosta oqsma, bħalma huma t-tkabbir ekonomiku, fid-dikjarazzjoni konġunta l-JCC esprima t-tħassib tiegħu “dwar in-nuqqas ta’ progress fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni” u ħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi biex “jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw ir-rispett għall-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, ir-riforma ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-libertà tal-istampa".

Il-membri tal-JCC kienu kuntenti li s-Serbja fetħet żewġ kapitoli ġodda ta’ negozjati ta’ adeżjoni (is-Sajd u d-Dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji). L-aħbar kienet tajba wkoll fir-rigward tal-ekonomija kollha, bi tnaqqis fil-qgħad u aċċellerazzjoni tat-tkabbir fl-2018, iżda d-dikjarazzjoni konġunta finali enfasizzat il-ħtieġa li jittieħdu miżuri effettivi biex tiġi indirizzata l-attività ekonomika informali, jiġu miġġielda l-inugwaljanzi u l-faqar u biex isir użu aktar effiċjenti u trasparenti ta’ pjattaformi ta’ djalogu mas-soċjetà ċivili. (dgf)