Il-fondi ta’ ġestjoni ġodda għall-migrazzjoni u l-fruntieri għandhom jiffokaw fuq l-integrazzjoni tal-migranti

Il-KESE jappoġġja l-fond il-ġdid għall-ażil u l-migrazzjoni u l-fond għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-viżi. Fl-Opinjoni adottata matul is-sessjoni plenarja tiegħu f’Ottubru u abbozzata minn Giuseppe Iuliano, il-Kumitat jaqbel mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li jiżdied il-baġit għaż-żewġ oqsma ta’ politika, iżda jgħid li l-kelma "integrazzjoni" għandha tibqa’ fl-isem tal-fond għall-migrazzjoni, u li jenħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet għall-aċċess regolari fl-UE.

"It-tneħħija tal-kelma 'integrazzjoni' mit-titolu tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil hija inkwetanti mhux ħażin," qal Is-Sur Iuliano. "Tista’ tinftiehem li tkun qed tonqos il-preokkupazzjoni dwar din il-kwistjoni. Ejja ma ninsewx li t-trattament ugwali u l-politiki kontra d-diskriminazzjoni huma pilastri tal-politiki Ewropej, flimkien ma’ dawk marbuta mal-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi," kompla jgħid. "Il-kelma 'integrazzjoni' jenħtieġ li titqiegħed lura fit-titolu, peress li l-inklużjoni hija sfida għall-Istati Membri".

Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni tiffoka speċifikament fuq il-wasliet irregolari fil-punti ta’ kontroll fuq il-fruntiera, mingħajr ma ssemmi l-ebda rotot ta’ aċċess standard għall-UE. Bl-istess mod, m’hemm l-ebda referenza speċifika għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-punti ta’ kontroll fuq il-fruntiera. Il-Kumitat jappoġġja d-dritt għall-ażil u jappella għal politika komuni tal-migrazzjoni, bi strumenti li jiffaċilitaw il-migrazzjoni regolari u ordnata. Neħtieġu progress u innovazzjoni fis-sistema integrata Ewropea dwar il-migrazzjoni. Huwa għalhekk li rridu nirriformaw is-sistema ta’ Dublin. (mp)