Il-KESE jopponi t-tnaqqis fl-FSE+ − il-fond prinċipali tal-UE għall-investiment fin-nies.

Il-KESE huwa kritiku ħafna dwar it-tnaqqis propost ta’ sitta fil-mija fl-allokazzjonijiet tal-Fond Soċjali Ewropew Plus il-ġdid, li fil-perjodu ta’ finanzjament 2021-2027 il-ġdid, se jgħaqqad diversi fondi u programmi eżistenti li għandhom l-għan li jsaħħu d-dimensjoni soċjali tal-Unjoni.

Il-KESE jopponi l-eliminazzjoni tas-sehem minimu obbligatorju tal-fondi allokati għall-FSE+ fil-baġit li jmiss tal-politika ta’ koeżjoni (li attwalment huwa ta’ 23.1%); lanqas ma jaqbel mal-proposta għal tnaqqis fir-rata Ewropea ta’ kofinanzjament tal-Fond.

Il-KESE jappella għal 30% tar-riżorsi għall-politiki tal-UE għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali biex jiġu allokati għall-FSE+ u jirrakkomanda li 30% tar-riżorsi tal-FSE+ jiġu allokati għal miżuri ta’ inklużjoni soċjali.

 “It-tnaqqis ta’ sitta fil-mija fil-finanzjament tal-FSE+ huwa inaċċettabbli meta wieħed iqis ir-rata għolja persistenti tal-faqar fl-UE, li tammonta għal iktar minn 23%,” qal Krzysztof Balon, li kiteb l-Opinjoni tal-KESE dwar il-proposta tal-Kummissjoni għall-FSE+.

Għalkemm jopponi tnaqqis fil-finanzjament, il-KESE jilqa’ l-proposta, fost affarijiet oħra minħabba l-allinjament tagħha mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-fatt li tgħaqqad fondi eżistenti sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-qgħad.

Skont il-KESE, l-FSE+ għandu jiddedika ammont stabbilit ta’ fondi li jkollu fil-mira tiegħu għall-impjieg taż-żgħażagħ u għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Is-soċjetà ċivili għandha tkun involuta bis-sħiħ fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta’ proġetti marbuta mal-FSE+. (ll)