Il-KESE jixtieq li s-soċjetà ċivili jkollha rwol akbar fl-azzjoni esterna tal-UE

Federica Mogherini, Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, attendiet is-sessjoni plenarja tal-KESE fis-17 ta’ Ottubru 2018 għal diskussjoni dwar it-theddid estern u l-isfidi prinċipali li qed tiffaċċja l-UE. Il-President tal-KESE, Luca Jahier enfasizza r-rwol importanti tal-UE bħala donatur ewlieni tal-għajnuna umanitarja, filwaqt li rrimarka li “l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma lesti jkunu parti minn dan l-isforz”.

Is-sessjoni plenarja bdiet b’dibattitu ma’ Federica Mogherini dwar theddid estern u sfidi li qed tiffaċċja l-UE. Is-Sur Jahier innota b’dispjaċir li s-sitwazzjoni fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Mediterran ma tjiebitx matul l-aħħar snin, minkejja l-isforzi tal-UE: "L-UE kellha rwol importanti bħala donatur ewieni tal-għajnuna umanitarja, iżda nqabdet ukoll bejn il-bżonn ta’ approċċ politiku prammatiku għall-ġestjoni tal-flussi ta’ migrazzjoni u l-bżonn li tiddefendi l-valuri prinċipali tal-UE bħad-drittijiet tal-bniedem".

Madankollu, is-Sur Jahier innota li "l-KESE jinsab f’pożizzjoni tajba biex jara l-aspetti pożittivi f’din l-istampa kerha" u appella għal involviment akbar tas-soċjetà ċivili fl-azzjoni esterna tal-UE "Jidher ċar li l-appoġġ pubbliku għal 'aktar UE' għadu kbir ħafna, u li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma lesti jkunu parti minn dan l-isforz. Dan, Sinjura Mogherini, huwa assi politiku enormi għad-dispożizzjoni tiegħek".

Federica Mogherini semmiet għadd ta’ prijoritajiet tas-servizz Ewropew għall-azzjoni esterna li huma wkoll ta’ prijorità għall-KESE, bħall-iżvilupp sostenibbli u l-paċi sostenibbli, oqsma li fihom "it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma msieħba kruċjali"; l-aspett kulturali ta’ azzjoni esterna bħala mod għall-eżerċitar tas-setgħa ta’ persważjoni Ewropea; u l-enfasi fuq iż-żgħażagħ, li, skont is-Sinjura Mogherini, hija fil-qalba tal-azzjoni esterna tal-UE (dgf)