It-Tielet Pakkett dwar il-Mobbiltà għandu jqis il-forom kollha ta’ trasport

Il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni għandha tkun aktar ambizzjuża, filwaqt li tqis il-forom kollha disponibbli ta’ trasport. Hija għandha tiffoka fuq l-intermodalità fit-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri. Fl-opinjoni abbozzata minn Giulia Barbucci u adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Ottubru, il-KESE jappoġġa t-Tielet Pakkett dwar il-Mobbiltà ppreżentat mill-Kummissjoni iżda jipproponi proġett aktar ambizzjuż.

Il-KESE jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni bħala pass ulterjuri lejn trasport sostenibbli għall-Ewropa. Madankollu, is-Sinjura Barbucci qalet, "Aħna ninkoraġġixxu lill-Kummissjoni biex tħares lil hinn mit-trasport bit-triq. Għandhom jitqiesu l-forom kollha disponibbli ta’ trasport sabiex jiġi żviluppat trasport sostenibbli u sikur b’mod effettiv. Għandna bżonn viżjoni aktar ambizzjuża, li tħaddan l-intermodalità bejn it-trasport pubbliku u dak privat bħala mod kif jintlaħqu l-għanijiet tal-effiċjenza, il-kwalità tal-ħajja u s-sigurtà."

Il-Kumitat iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex ttalloka biżżejjed fondi għall-programm, jappoġġa l-pjanijiet ta’ azzjoni strateġika fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq u l-batteriji, u jfakkar lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet possibbli li jikkonċernaw l-awtomatizzazzjoni sħiħa tal-vetturi u t-tranżizzjoni lejn il-vetturi elettriċi.

F’Mejju 2018, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat it-tielet pakkett tagħha "L-Ewropa Attiva", l-iktar kontribut riċenti tagħha fir-rigward tal-modernizzazzjoni tat-trasport Ewropew. Il-pakkett jiffoka fuq it-trasport bit-triq, b’mod partikulari fuq it-trasport bil-karozza, flimkien mat-tliet elementi maġġuri li ġejjin: is-sikurezza, il-konnettività u l-awtomatizzazzjoni, u t-trasport nadif. (mp)