40 % tal-baġit tal-UE għandu jkun allokat għat-tibdil fil-klima

Permezz tal-Opinjoni tiegħu dwar “Il-Patt Ewropew dwar il-Finanzjament għall-Klima”, il-KESE jixtieq jiżgura l-finanzjament tat-tranżizzjonijiet meħtieġa biex nagħmlu l-ekonomija aktar ekoloġika. Huwa jsostni li 40% tal-baġit tal-UE għandu jkun iddedikat għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi tiegħu. 

”It-tibdil fil-klima huwa wieħed mill-akbar theddidiet għall-bnedmin u għall-pjaneta tagħna. Iżda qed naraw ukoll l-opportunitajiet emerġenti mill-ħtieġa li nibdlu l-ekonomija tal-Ewropa f’waħda sostenibbli. U dan nistgħu niksbuh, jekk naġixxu b’mod kollettiv fl-Ewropa”, jgħid Rudy de Leeuw.

Jeħtieġ li, kull sena, jiġu allokati EUR 1 115 biljun allokati fl-Ewropa biex niġġieldu kontra t-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu. Il-patt dwar il-finanzjament għall-klima jitlob qafas ċar u prevedibbli ta’ politika Ewropea. Il-qafas finanzjarju pluriennali (2021-2027) għandu jippromovi żvilupp ekonomiku sostenibbli u impjiegi ta’ kwalità għolja. Il-baġit tal-UE ddedikat għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi tiegħu għandu jiżdied għal 40%.

Għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-idea li l-BEI jsir il-bank għall-iżvilupp sostenibbli, li prinċipalment jiffinanzja t-tranżizzjoni tal-enerġija, il-mobilità ekoloġika u l-innovazzjoni. Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni unifikata tal-UE (tassonomija) biex jiġu promossi proġetti sostenibbli u investimenti li għandhom l-aktar impatt ambjentali u ekonomiku pożittiv.

It-tikketti ekoloġiċi għandhom jingħataw lill-investimenti li jikkonformaw mat-tassonomija tal-UE u l-ogħla standards ta’ sostenibbiltà. Jeħtieġ li jitħeġġu l-ekonomija ċirkolari u l-investimenti f’bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Barra minn hekk, f’kull ftehim kummerċjali, il-klawżoli soċjali u ambjentali għandhom jissejsu fuq impenn vinkolanti fil-konfront tal-Ftehim ta’ Pariġi.

“Aħna konvinti li fuq perjodu twil ta’ żmien, huma biss dawk li l-ekonomija tagħhom tkun ekoloġika ser jibqgħu fil-quċċata tas-suq dinji. Aħna, l-Ewropej, nistgħu nkunu fuq quddiem nett ta’ dan l-iżvilupp.” (sma)