Il-KESE jappella għal tranżizzjoni rapida iżda gradwali lejn ekonomija sostenibbli

L-UE impenjat ruħha li taħdem lejn ekonomija sostenibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u aktar effiċjenti fir-riżorsi flimkien mal-għanijiet soċjali. L-iffinanzjar ta’ dawn l-impenji, waqt li jitqiesu l-kriterji ambjentali, soċjali u ta’ governanza, jikkostitwixxi sfida enormi ta’ investiment.

Il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom bżonn jibnu qafas Ewropew komuni ta’ sostenibbiltà bil-għan li jiġi żgurat l-appoġġ mis-sistema finanzjarja fit-transizzjoni lejn ekonomija sostenibbli. Għalhekk jappoġġja bis-sħiħ il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iffinanzjar tat-tkabbir sostenibbli, u jirrakkomanda l-implimentazzjoni rapida iżda gradwali tiegħu. Il-qafas propost ikun xprun importanti biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fis-swieq finanzjarji u li t-tfaddil jintrabat ma’ investiment sostenibbli fl-ekonomija reali.

Għalkemm il-KESE jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-parteċipanti tas-suq finanzjarju fit-tranżizzjoni, huwa jenfasizza li s-soċjetà inġenerali għandha tkun involuta jekk is-sistema għandha tkun fattibbli.

Jagħmel sens li t-tranżizzjoni titnieda billi tiġi stabbilita tassonomija ta’ sostenibbiltà tal-UE, kif ukoll parametri referenzjarji b’livell baxx tal-karbonju. It-tassonomija għandha tkun dinamika u tqis ir-realtà tan-negozji. L-għan aħħari għandu jkun li t-tassonomija tiġi promossa madwar id-dinja u tiġi inkorporata fil-liġi tal-UE b’mod uniformi u simultanju fl-Istati Membri kollha. Għandhom jiġu introdotti miżuri biex jiġi żgurat li din tkun riveduta u aġġornata regolarment.

Għalkemm il-KESE jaqbel li l-bidu jkun il-konfigurazzjoni u l-introduzzjoni ta’ numru limitat ta’ oqsma u obbligi legali, l-ewwel u qabel kollox fatturi ambjentali, huwa jilqa’ b’sodisfazzjon l-introduzzjoni ta’ garanziji minimi soċjali u ta’ governanza mill-bidu nett. Imbagħad ikun importanti li t-tassonomija u l-obbligi legali inizjali jiġu estiżi għall-għanijiet tas-sostenibbiltà soċjali u ta’ governanza fil-futur.

Fl-aħħar nett, il-KESE jilqa’ l-obbligi fiduċjarji proposti għall-parteċipanti fis-suq finanzjarju. Dan ser jippermetti lill-investituri finali jallinjaw id-deċiżjonijiet tagħhom ta’ investiment mal-preferenzi tagħhom ta’ sostenibbiltà.

Aktar informazzjoni: ECO/456 ECO/466 ECO/467 (jk)