It-tnaqqis fil-baġit tal-politika ta’ koeżjoni qed jibgħat sinjal żbaljat

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-politika ta’ koeżjoni hija element ewlieni għall-futur tal-Ewropa, li titlob riżorsi suffiċjenti u riforma adatta. Tnaqqis fil-baġit għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 jibgħat messaġġ żbaljat lill-pubbliku u jista’ jkun ta’ ħsara għall-politika ta’ koeżjoni. Il-baġit għandu jinżamm fl-istess livell kif  inhu bħalissa u jiżdied għall-kooperazzjoni territorjali.

Filwaqt li l-KESE, f’pakkett ta’ Opinjonijiet adottat dan l-aħħar jikkritika d-dispożizzjonijiet finanzjarji tal-proposti tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp reġjonali u l-politika tal-koeżjoni futuri, huwa jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tagħha biex tintroduċi r-riformi, u jirrikonoxxi titjib sostanzjali fis-semplifikazzjoni, il-flessibilità u l-effettività. Madankollu, huwa jiddispjaċih li l-ġabra l-ġdida tar-regoli ma tistabbilixxix sett uniku ta’ regoli għall-fondi kollha.

Fil-fehma tiegħu, ir-regoli l-ġodda tal-politika ta’ koeżjoni għandhom ikunu allinjati mal-Istrateġija Ewropa 2020 l-ġdida. Għandhom jitkomplew l-isforzi biex jiġu implimentati l-SDGs u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tiġi inkorporata bis-sħiħ il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

Il-KESE jirrifjuta l-proposti għal kundizzjonalità makroekonomika, ir-regola ta’ diżimpenn n+2 u t-tnaqqis fir-rati ta’ kofinanzjament. Dawn il-proposti joħolqu ambjent ekonomiku riġidu żżejjed u jistgħu jagħmlu ħsara lill-investiment. Tinħtieġ aktar flessibilità biex jiġu indirizzati ċ-ċirkustanzi speċifiċi tar-reġjuni.

Peress li l-politika ta’ koeżjoni jeħtieġ li tippermetti li żoni bi żvantaġġi strutturali u permanenti jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi tagħhom, il-KESE jilqa’ l-mekkaniżmu propost biex jiġu solvuti l-ostakli legali u amministrattivi fi kwistjonijiet transkonfinali. Jeħtieġ li l-mekkaniżmu jiżgura ċertezza legali għall-utenti potenzjali u jikkumpensa għall-iżbilanċi potenzjali bejn l-imsieħba.

Dwar l-għan tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, il-KESE jipproponi li jissaħħaħ is-sehem taż-żgħażagħ. It-tnaqqis tad-distakk diġitali għandu jkun prijorità għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea kollha, u għandhom jiġu kkunsidrati bħala prijorità l-integrazzjoni tal-protezzjoni ċivili u l-mitigazzjoni ta’ riskji kbar.

Għal aktar tagħrif dwar l-Opinjonijiet tal-KESE, ikklikkja hawnhekk. (jk)