Il-Kummissarju Stylianides: ir-rescEU hija biss l-ewwel aġġornament tal-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili

Minħabba l-effetti drammatiċi tat-tibdil fil-klima, il-KESE ħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jadottaw aktar miżuri u politiki konġunti bħala parti mill-proposta tiegħu tar-rescEU sabiex ikun hemm reazzjoni iktar effiċjenti u effettiva għad-diżastri.

Fit-18 ta’ Ottubru, il-KESE ppreżenta l-proposti tiegħu sabiex jissaħħaħ ir-rispons tal-protezzjoni ċivili tal-UE – rescEU lil Christos Stylianides, Il-Kummissarju Ewropew għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet.

Is-Sur Stylianides enfasizza l-importanza tal-opinjoni tal-KESE, li tirrifletti dak li jaħsbu ċ-ċittadini Ewropej, u saħaq li "ir-rescEU l-ġdida hija l-ewwel aġġornament tar-rispons tal-protezzjoni ċivili tal-UE, li għandha timla l-lakuni fir-rispons attwali tal-emerġenza u tiffoka fuq il-prevenzjoni. Dan se jikkomplementa s-sistemi nazzjonali, aktar milli jieħu posthom."

Il-Kummissarju qabel li l-proposta jenħtieġ li tħares lil hinn mir-rispons għad-diżastri u timmira sabiex tkun imħejjija biex tiffaċċjahom.

Fil-fehma tiegħu, rescEU hija għodda siewja għall-konnessjoni mal-Ewropej għaliex tagħtil-messaġġ ta’ solidarjetà Ewropea.

"L-esperjenza ta’ dawn l-aħħar snin uriet li l-mekkaniżmu attwali tal-protezzjoni ċivili tal-UE, sistema li hija bbażata fuq kontribuzzjonijiet volontarji mill-Istati Membri, huwa insuffiċjenti biex jirrispondi għal emerġenzi maġġuri," qal ir-relatur tal-KESE, Dimitris Dimitriadis. "Jenħtieġ li nedukaw u nħejju lill-ġenerazzjonijiet kollha, mit-tfulija ‘l quddiem, sabiex jittrattaw emerġenzi maġġuri. Għandna bżonn ukoll ta’ mekkaniżmu komuni għall-Ewropa kollha."

Il-KESE jemmen li l-prinċipji ġenerali u l-linji gwida jenħtieġ jiġu żviluppati, li jinħoloq qafas leġislattiv modern u ġenerali għal sistemi ta’ twissija bikrija, il-volontarjat u l-involviment istituzzjonalizzat fil-livelli kollha tal-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili. Ir-rati ta’ impenn għal miżuri preventivi fil-baġits tal-Istati Membri jenħtieġu wkoll li jiġu deċiżi. (sma)