Il-KESE lill-Kummissjoni: id-diġitalizzazzjoni trid tkun inklużiva

ll-Programm Ewropa Diġitali li tfassal mill-Kummissjoni jieħu pass fid-direzzjoni t-tajba billi jirrikonoxxi r-rwol ewlieni li jaqdu l-ħiliet diġitali, iżda jista’ jkun aktar marbut mill-qrib tar-realtajiet soċjali. Fl-Opinjoni mfassla minn Norbert Kluge u Ulrich Samm u adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Ottubru, il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni u jindika li d-diġitalizzazzjoni fl-Ewropa għandha tkun inklużiva, filwaqt li d-“dividend diġitali” għandu jkun distribwit b’mod ugwali permezz ta’ miżuri ta’ politika adegwati.

“Peress li d-diġitalizzazzjoni taffettwa liċ-ċittadini kollha u l-oqsma kollha tal-ħajja, huwa importanti ħafna li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkunu jistgħu jibbenefikaw minnha, qal is-Sur Kluge. Kompla jgħid li d-diġitalizzazzjoni fl-Ewropa trid issir inklużiva.”. “Iċ-ċittadini m’għandhomx jiġu esklużi mill-progress diġitali minħabba fatturi bħall-ġeneru, l-istatus soċjali, il-livell ta’ edukazzjoni, il-kwalifiki, il-ħiliet diġitali, l-oriġini, l-età jew id-diżabbiltà.

L-għarfien u l-ħiliet diġitali huma essenzjali u ġew rikonoxxuti bħala element prinċipali fil-programm. Huwa importanti ħafna li n-negozji, il-ħaddiema u l-konsumaturi jiġu megħjuna jakkwistaw u jużaw it-teknoloġiji diġitali kemm bażiċi kif ukoll avvanzati. It-taħriġ jista’ jiġi pprovdut permezz ta’ ċentri tal-innovazzjoni diġitali, stabbiliti fil-lokal fir-reġjuni. “Nilqgħu tikketta Ewropea ta’ eċċellenza għaċ-ċentri tal-innovazzjoni diġitali biex jiġu promossi l-interkonnessjonijiet u jiġi żgurat li jiġu pprovduti ħiliet diġitali,” enfasizza is-Sur Samm.

F’Ġunju 2018 il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Il-programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2027, bil-ħsieb li jiġi stabbilit suq uniku diġitali u l-Ewropa ssir attur ewlieni fid-diġitalizzazzjoni waqt li tiżdied is-saħħa ekonomika tagħha u l-kompetittività tagħha fix-xena dinjija. (mp)