Il-KESE jappoġġja l-ittestjar ta’ SBBSs fuq is-swieq, iżda jitlob għal qafas ta' abilitazzjoni aktar b’saħħtu għall-istrument finanzjarju l-ġdid

SBBS

It-titoli koperti minn bonds sovrani (SBBSs) jistgħu jikkontribwixxu għal diversifikazzjoni akbar u tnaqqis tar-riskji għal portafolli ta’ bonds sovrani miżmuma minn banek u operaturi finanzjarji oħrajn. Dan jista’ jkollu impatt pożittiv fuq l-istabbiltà u r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja u jtejjeb l-integrazzjoni tas-suq finanzjarju.

Il-KESE għalhekk jappoġġja l-proposta leġislattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi qafas ta’ abilitazzjoni li jippermetti li l-SBBSs jiġu żviluppati mis-suq. Il-Kumitat jappoġġja l-introduzzjoni u l-ittestjar ta’ SBBSs fuq is-swieq, iżda fl-istess ħin jappella li għadd ta’ mistoqsijiet miftuħa fil-proposta għandhom jiġu indirizzati. 

“L-uniku mod biex naraw jekk il-banek u l-investituri humiex tassew interessati fl-SBBSs huwa billi nittestjawhom”, qal Daniel Mareels, ir-relatur għall-Opinjoni dwar is-suġġett. L-SBBSs jistgħu jgħinu biex ikomplu jdgħajfu r-rabta mill-qrib bejn il-banek u l-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Il-KESE ilu jappella għal aktar azzjoni biex jinkiseb dan sa mill-aħħar kriżi finanzjarja.

Madankollu, se jkun importanti li niżguraw iċ-ċarezza, l-effikaċja u l-effettività tal-qafas propost u, filwaqt li l-KESE jaqbel ma’ ħafna aspetti tal-proposta, oħrajn jeħtieġ li jissaħħu: il-monitoraġġ mill-ESMA jeħtieġ, pereżempju, li jkun aktar strinġenti u jibda aktar kmieni, jekk entitajiet bi skop speċjali se jitħallew jiċċertifikaw huma stess il-kompożizzjoni tal-portafolli sottostanti tal-SBBSs.

Għadd ta’ mistoqsijiet mhux imwieġba jridu jiġu indirizzati wkoll, inkluż jekk l-SBBSs jaħdmux b’mod effettiv taħt iċ-ċirkustanzi kollha, u se jkun hemm il-ħtieġa għal aktar riflessjoni dwar jekk l-SBBSs għandhomx jiġu offruti għal min ifaddal u l-konsumaturi.

Il-qafas propost għandu jkun żviluppat ulterjorment fi djalogu mill-qrib mal-partijiet interessati kollha. (jk)