F’opinjoni fuq inizjattiva proprja adottata f’Ottubru, il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) appellat għal tranżizzjoni settorjali inklużiva għal settur ferrovjarju diġitalizzat u pproponiet inizjattiva mmexxija mill-Kummissjoni biex jinġabar l-investiment ta’ EUR 100 biljun meħtieġ.

Sabiex tiġi aċċellerata d-diġitalizzazzjoni, huwa importanti li tiġi aċċellerata wkoll l-implimentazzjoni tas-Sistema tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju Ewropew," qal ir-relatur Alberto Mazzola. "Il-Ferrovija tista’ ssir is-sinsla għall-iżvilupp tal-aspett tal-mobbiltà ta’ identità diġitali Ewropea permezz ta’ ambjent regolatorju li jmexxi l-kompetizzjoni u l-innovazzjoni."

L-iżvilupp tal-qafas tekniku u regolatorju għandu jkun ukoll fuq nett tal-aġenda. "Jeħtieġ li l-imsieħba soċjali tal-Ewropa jistabbilixxu djalogu biex jantiċipaw u jtaffu l-impatt tal-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, biex b’hekk tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta," enfasizza l-korelatur Guy Greivelding.

Fil-fażi ta’ tranżizzjoni lejn sistema ferrovjarja diġitalizzata, huwa importanti wkoll li jitqies l-aspett tas-sigurtà u li jiġu aċċettati miżuri robusti ta’ ċibersigurtà. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda kollaborazzjoni aktar b’saħħitha f’dan ir-rigward bejn l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u l-Aġenzija tal-UE għall-Ferroviji (ERA). (sma)