Il-Konferenza tal-KESE dwar "Id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt – ix-xejriet fl-UE mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili”, li saret fil-5 ta’ Novembru fi Brussell, uriet il-ħtieġa urġenti li s-soċjetà ċivili tiġi involuta fil-promozzjoni ta’ kultura tal-istat tad-dritt fl-Ewropa.

B'rapporti ta’ ksur tal-valuri ewlenin tal-UE li qed jiżdiedu, din il-konferenza enfasizzat il-ħtieġa għal djalogu matur u strutturat bejn il-gvernijiet u s-soċjetà ċivili biex nitbiegħdu mir-rigress li qed iseħħ fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-UE.

Il-konferenza ibbażat fuq ir-rapport li għadu kif ġie ppubblikat dwar il-qagħda tal-istat tad-dritt fl-Ewropa. Dan ġie kkumpilat mill-Grupp tal-KESE dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt (FRRL), wara ż-żjarat inizjali tal-Grupp fl-Istati Membri fl-2018 u l-2019 bil-għan li jinstabu xejriet ġenerali f’dan il-valur ewlieni tal-UE u karatteristiċi nazzjonali speċifiċi. Il-grupp FRRL qed jippjana li jżur l-Istati Membri kollha tal-UE fis-snin li ġejjin. (ll)