Is-sessjoni plenarja tal-KESE tat-30 ta’ Ottubru inkludiet dibattitu ma’ Michel Barnier, in-negozjatur ewlieni tal-Unjoni Ewropea għall-Brexit. Matul id-dibattitu, is-Sur Barnier talab għal sħubija mill-qrib bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-Brexit, filwaqt li fakkar li l-paċi fl-Irlanda għandha tkun prijorità u li “l-integrità tas-suq uniku mhijiex negozjabbli”.

Michel Barnier aġġorna lill-membri tal-KESE dwar il-fehma tiegħu fir-rigward tal-istatus tan-negozjati tal-Brexit u insista li l-Kummissjoni Ewropea determinata tilħaq ftehim dwar Brexit ordnat, peress li “għadu jeżisti r-riskju li l-Brexit iseħħ mingħajr ftehim ratifikat”. Huwa enfasizza wkoll li “l-Brexit huwa biss stadju, mhux destinazzjoni finali” u li l-aktar sfida importanti issa hija li tinbena mill-ġdid sħubija ġdida bejn l-UE u r-Renju Unit, ibbażata fuq żewġ pilastri: l-iskambju ekonomiku u l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża.

Il-president tal-KESE, Luca Jahier, fetaħ id-dibattitu, filwaqt li enfasizza r-rwol importanti li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jista’ jkollhom f’xenarju ta’ wara l-Brexit. “Huwa kruċjali li r-relazzjoni li nbniet matul dawn l-aħħar 44 sena mal-organizzazzjonijiet Brittaniċi tas-soċjetà ċivili ma tkunx biss preservata iżda saħansitra tiġi msaħħa; għad fadal ħafna xi jsir u se jkun xogħol iebes, iżda l-KESE dejjem se jkun fuq in-naħa tagħkom”, qal is-Sur Jahier.