Il-KESE jitlob li jkun hemm IA inklużiva li tipprijoratizza lill-ħaddiema meta t-teknoloġija intelliġenti tiġi introdotta fil-post tax-xogħol

L-UE jeħtieġ li tiżgura li r-rivoluzzjoni tal-IA ma tipperikolax il-kwalità tax-xogħol fl-Ewropa. L-interazzjonijiet bejn il-ħaddiema u l-magni għandhom jiġu rregolati sabiex il-bnedmin qatt ma jsiru eżekuturi tal-magni, jargumenta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew f’rapport adottat fil-plenarju tiegħu ta’ Settembru.

Fil-fehma tal-KESE, huwa kruċjali li tiġi ddefinita r-relazzjoni bejn il-bnedmin u l-magni, kemm dawn tal-aħħar jistgħu jkunu awtonomi, u kif se jikkomplementaw ix-xogħol tal-bnedmin. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tindirizza dawn il-mistoqsijiet fil- linji gwida dwar l-etika li qed tħejji.

"Mhuwiex etikament aċċettabbli li bniedem ikun ikkmandat mill-IA jew li jitqies bħala eżekutur tal-magna li tiddettalu x'kompiti jrid jagħmel, il-mod kif jagħmilhom u l-iskadenzi li fihom irid ilesti dawn il-kompiti. Madankollu, dan il-limitu etiku xi drabi jidher li jinqabeż," qalet ir- rapporteur Franca Salis Madinier.

L-istrateġija tal-IA

tal-Kummissjoni Ewropea, li tagħti attenzjoni kbira lill-edukazzjoni, lit-taħriġ u l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali hija utli biex trażżan il-polarizzazzjoni soċjali, iżda hija biss rispons parzjali għall-isfidi kumplessi involuti. The EESC jiġbed l-attenzjoni għal tliet strumenti ta’ djalogu soċjali li jistgħu jgħinu sabiex jiżguraw tranżizzjoni soċjalment aċċettabbli:

  • IA inklużiva, li tinvolvi ħaddiema fil-proċessi prattiċi tal-introduzzjoni tal-IA fil-post tax-xogħol, sabiex tiġi ffaċilitata l-aċċettazzjoni;
  • l-antiċipazzjoni tat-tibdil permezz ta’ djalogu soċjali, billi tingħata ħarsa lejn kif il-proċessi ta’ produzzjoni se jbidlu kumpaniji u setturi;
  • Ristrutturar soċjalment responsabbli meta l-pjani soċjali isiru inevitabbli, li jesplora l-alternattivi kollha possibbli għat-tkeċċijiet.

Il-KESE iwissi wkoll kontra l-perikli tal- applikazzjoni tal-algoritmi għar- reklutaġġ ta’ ħaddiema u jirrakkomanda li l-linji gwida etiċi tal-Kummissjoni jinkorporaw prinċipji ta’ trasparenza.

B’ aċċidenti diġà qed jiġu rappurtati b’konsegwenza tal-interazzjonijiet bejn bnedmin u magni fuq il-post tax-xogħol, il-KESE jappella sabiex ir-riskji ġodda għas-saħħa u s-sigurtà jiġu identifikati u li ssir dispożizzjoni fil-liġi tal-UE li tkopri lill-ħaddiema li huma esposti għalihom.

Fl-aħħar nett, il-KESE jixtieq jara lill-Kummissjoni tibda dibattitu dwar kif jiġu ffinanzjati s-sistemi tas-sigurtà soċjali fil-futur, peress li s-sistemi attwali, ibbażati prinċipalment fuq dħul mit-tassazzjoni tax-xogħol, mhumiex se jkunu aktar sostenibbli. (dv)