Delegazzjoni tal-KESE tiddiskuti dwar id-djalogu soċjali u l-politika taż-żgħażagħ ma’ msieħba Albaniżi

Membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ltaqgħu mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Albaniża f’Tirana fl-24-25 ta’ Settembru biex jiddiskutu dwar is-sitwazzjoni tad-djalogu soċjali fl-Albanija u dwar il-politika taż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-pajjiż.

Dilyana Slavova, President tas-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni tal-KESE (REX), u Dragica Martinović Džamonja, president tal-Kumitat ta’ Segwitu tal-Balkani tal-Punent tal-KESE, mexxew id-delegazzjoni tal-KESE waqt il-laqgħa mal-Eċċellenza Tiegħu Luigi Soreca, li għadu kif inħatar Kap tad-delegazzjoni tal-UE fl-Albanija. Fid-dawl tal-possibbiltà li n-negozjati tal-adeżjoni mal-UE jibdew mal-Albanija fl-2019, ġie enfasizzat li s-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-imsieħba soċjali, jeħtieġ ikunu involuti ġenwinament fl-istadji kollha tal-proċess ta’ adeżjoni.

Is-Sinjura Martinović Džamonja organizzat laqgħat bilaterali ma’ uffiċjali ta’ livell għoli, inklużi Lindita NIKOLLA, Ministru tal-Edukazzjoni, l-Isport u ż-Żgħażagħ, Dajna Sorensen, Viċi Ministru tal-Finanzi u l-Ekonomija responsabbli għall-Impjiegi u l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ETV), Vasilika Hysi, Viċi President tal-Parlament Albaniż u Gent Cakaj, Viċi Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Barranin. Matul dawn il-laqgħat, is-Sinjura Martinović Džamonja spjegat li l-iskop tal-KESE, bħala l-vuċi tas-soċjetà ċivili organizzata fil-livell tal-UE, kien li jiġu kondiviżi prattiki tajbin u għarfien espert minn madwar l-UE b’rabta mal-konsultazzjonijiet pubbliċi u l-parteċipazzjoni fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Ġie rikonoxxut il-progress li ntlaħaq fl-Albanija f’ħafna oqsma f’dawn l-aħħar snin, iżda kien enfasizzat bl-istess mod li l-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa hemm bżonn tissokta b’ritmu kostanti sabiex l-Albanija tagħmel progress lejn l-adeżjoni.

Il-laqgħat saru bi tħejjija għas-7 Forum tal-KESE dwar is-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent, li ser isir fl-2019. Il-Kumitat ta’ Segwitu tal-Balkani tal-Punent beħsiebu jaqsam il-konklużjonijiet ewlenin tal-missjoni ma’ istituzzjonijiet oħrajn tal-UE.

Il-Kumitat ta’ Segwitu tal-Balkani tal-Punent, li jiltaqa’ sa tliet darbiet fis-sena, ġie stabbilit fl-2004 sabiex isegwi l-iżviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali fir-reġjun u jinkoraġġixxi l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija fir-reġjun. (ks)