Inrażżnu l-ewroxettiċiżmu

Mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Il-Grupp tal-Ħaddiema ltaqa’ dan ix-xahar fi Vjenna biex jiddiskuti dwar il-presidenza Awstrijaka, u dwar it-theddid li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema u ċ-ċittadini fl-Ewropa u l-istrateġiji tat-trejdjunjins biex jindirizzawhom.

Ir-razziżmu, il-ksenofobija, in-nazzjonaliżmu u l-populiżmu tal-lemin estrem qegħdin jikbru, xprunati minn snin ta’ politiki neoliberali li xerrdu l-iskuntentizza popolari bħala filwaqt li l-inugwaljanza u l-faqar kienu qed jiżdiedu. In-nuqqas ta’ solidarjetà nazzjonali ġie rifless fil-livell Ewropew, fejn Stati Membri ħatfu kull opportunità biex idgħajfu l-aġenda soċjali għall-Ewropa. Il-Pilastru Soċjali, li wiegħed li jindirizza s-sitwazzjoni, s’issa ma kienx effettiv u m’għandux biżżejjed riżorsi u mekkaniżmi. Fl-istess ħin, xi gvernijiet nazzjonali qegħdin mingħajr ħabi jikkontestaw il-bażi tad-demokrazija u l-istat tad-dritt filwaqt li jeħduha kontra s-soċjetà ċivili u t-trejdunjins.

F’dan il-mument kritiku meta d-drittijiet tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tal-għajxien huma mhedda il-Grupp tal-Ħaddiema pparteċipa fis-sede tal-presidenza tal-UE sabiex jiddiskuti dwar dak li t-trejdjunjins jistgħu u jeħtieġ jagħmlu biex ireġġgħu lura s-sitwazzjoni qabel ma jkun tard wisq. Il-parteċipanti kienu jinkludu, fost l-oħrajn, lil Wolfgang Katzian , president tal-Federazzjoni Awstrijaka tat-Trejdjunjins ÖGB, Raimund Löw, ġurnalist u storiku magħruf, u Hannes Swoboda, eks-kap tal-Grupp S&D fil-Parlament Ewropew. (ppr)